Illum il-Knisja tfakkar lil San Nikola

Fis-6 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Nikola, Isqof li għex fir-4 Seklu.

San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi. Sar Isqof ta’ Mira, illum Dembre, raħal fit-Turkija. Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu. X’aktarx li attenda l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, u miet f’Mira bejn 345 u 352.

Fl-1087, wara l-invażjoni tal-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum. Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

San Nikola hu magħruf mad-dinja kollha speċjalment għall-istejjer ta’ karita’ li xterdu dwaru. Fosthom meta darba sema’ b’wieħed raġel li ma kellux flus biżżejjed biex iżewweġ it-tliet xebbiet li kellu. San Nikola mar bil-lejl u tefagħlu mit-tieqa tliet boroż tal-flus biex ikun jista’ jżewwiġhom.

Storja oħra tgħid li San Nikola fi żmien Kostantinu rnexxielu jipprova l-innoċenza ta’ tliet żgħażagħ li kienu kkundannati għall-mewt mill-Gvernatur Estathius, u b’hekk ġew meħlusin. Stejjer bħal dawn għamluh popolari ħafna.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply