Fl-Awstralja: Musulmani u Insara jitolbu flimkien għax-xita

Artiklu li deher fuq Daily Mail Australia rrapporta li grupp ta’ rġiel, nisa u tfal Musulmani nġabru f’park f’Adelaide biex jitolbu għax-xita biex ittaffi d-diżastru li għaddej bħalissa fl-Awstralja. Is-saċerdot Patrick McInerney, miċ-ċentru għar-relazzjonijiet bejn Insara u Musulmani ngħaqad magħhom fit-talb.

Huwa spjega li l-Professur Mohamad Abdalla, għamel riflessjoni li matulha enfasizza l-bżonn tal-indiema u l-fidi f’Alla li huwa kollu ħniena. Dan il-mument ta’ talb sar jum wara li l-bdot Dick Lang ta’ 78 sena u ibnu Clayton ta’ 43 li kien kirurgu tilfu ħajjithom fin-nirien f’Kangaroo Island. Huma kienu qed jissieltu man-nirien iżda nqabdu fin-nar u tilfu ħajjithom.

Rapport qed jgħidu li mietu man-nofs biljun annimal fosthom ħafna kangaroos u orsijiet koala li issa qegħdin f’riskju ta’ estinzjoni. Eluf ta’ familji tilfu djarhom u hemm ukoll bosta vittmi. Ilbieraħ bdiet nieżla ftit xita iżda l-medda tan-nirien hija mifruxa ħafna u d-danni huma katastrofiċi madwar il-kontinent Awstraljan kollu.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.