Il-Ħamis, 9 ta’ Jannar 2020: Ma nistgħux inkunu Nsara jekk aħna niżirgħu l-gwerra fil-familja, fil-kwartier fejn noqogħdu, fuq il-post tax-xogħol: jalla l-Mulej itina l-Ispirtu s-Santu biex nibqgħu fiH u jalla jgħallimna nħobbu b’mod sempliċi bla ma nagħmlu gwerer ma’ ħaddieħor. Hekk talab il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum.
Meta nitkellmu dwar il-paċi, moħħna jmur dritt fuq il-gwerer, illi jekk fid-dinja ma jkunx hawn gwerer, żgur ikun hawn il-paċi. Dan jiġi f’moħħna dejjem, paċi u mhux gwerer, imma ħsiebna jkun dejjem ’il barra minna: f’dak il-pajjiż, f’dik is-sitwazzjoni… Illum ukoll hawn bosta gwerer imkebbsin u moħħna mill-ewwel hemm imur meta nitkellmu dwar il-paċi, meta nitolbu lill-Mulej itina l-paċi. U dan hu sewwa: għandna nitolbu għall-paċi fid-dinja. Irridu nżommu dan id-don tal-paċi t’Alla dejjem quddiem għajnejna u nitolbuh f’isem kulħadd.
Imma fl-istess ħin irridu nistaqsu kif inhi l-paċi fid-dar tagħna, jekk qalbna hix fil-paċi jew inkella dejjem inkwieta, dejjem ‘fi gwerra’, bit-tensjoni, għax irridu xi ħaġa aktar, biex niddominaw, biex insemmgħu leħinna. Il-paċi tal-bnedmin jew ta’ pajjiż tinżera’ fil-qalb: jekk m’għandniex paċi fi qlubna kif nistgħu nimmaġinaw li jista’ jkun hemm il-paċi fid-dinja? Madankollu, osserva l-Papa, dwar dan ftit li xejn naħsbu.
L-ewwel qari meħud mill-Ittra ta’ San Ġwann Appostlu jurina t-triq li rridu nterrqu biex ikollna l-paċi f’qalbna: ‘ibqgħu fil-Mulej’. Fejn hemm il-Mulej hemm il-paċi. Hu jagħtihielna l-paċi; huwa l-Ispirtu s-Santu li Hu jibagħtilna, li jnissel il-paċi fina. Jekk aħna nibqgħu fil-Mulej qalbna tkun fil-paċi; u jekk aħna nibqgħu fil-Mulej dejjem, meta niżolqu minħabba xi dnub jew difett, l-Ispirtu s-Santu jnebbaħna bin-nuqqas tagħna. Nibqgħu fil-Mulej. Kif nibqgħu fil-Mulej? L-Appostlu jgħidilna: ‘Jekk tħobbu lil xulxin’. Din hi l-mistoqsija, dan hu s-sigriet tal-paċi.
Franġisku saħaq li kien qed jitkellem dwar imħabba awtentika, mhux l-imħabba tat-telenovelas, tal-ispettaklu, imma l-imħabba li timbuttana biex nitkellmu ‘sew’ dwar ħaddieħor u jekk ma nistgħu ngħidu xejn tajjeb, nagħlqu ħalqna, ma nqassux u ma nirrakkuntawx affarijiet koroh. Għax li nqassu u ‘nqaxxru’ lill-oħrajn ifisser ‘gwerra’. L-imħabba tidher fl-affarijiet iż-żgħar għax jekk hemm il-gwerra f’qalbi, ikun hemm il-gwerra fil-familja, ikun hemm il-gwerra fil-kwartier fejn noqgħod u jkun hemm il-gwerra fuq il-post tax-xogħol. L-għira, it-tqassis, iwassluna għall-gwerra kontra xulxin: neqirdu, naqilgħu l-ħmieġ.
Il-Papa stedinna mill-ġdid biex nirriflettu u naħsbu dwar kemm drabi tkellimna bi spirtu ta’ paċi u kemm drabi oħra tkellimna bi spirtu ta’ gwerra, dwar kemm-il darba kellna ħila ngħidu: ‘Kulħadd għandu dnubu, jien nara tiegħi u ħaddieħor għandu tiegħu,’ u b’hekk lil min ikun qed jikkritika nagħlqulu ħalqu.
Il-mod kif soltu nġibu ruħna fil-familja, kull fejn inkunu, aktarx hu attitudni ta’ gwerra: nippruvaw inkissru lil ħaddieħor, inħammġuh. Din mhix imħabba, din mhix il-paċi żgura li tlabna għaliha fil-bidu tal-quddiesa. Din l-imġiba tagħna mhix ġejja mill-Ispirtu s-Santu. Ilkoll kemm aħna jiġrilna hekk: l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi li nikkundannaw lill-ieħor. Lajk, saċerdot, reliġjuża, isqof, Papa… ilkoll dgħajfin quddiem dit-tentazzjoni tax-xitan biex ikebbes il-gwerra.
U meta x-xitan jirnexxilu jkebbes il-gwerra bejnietna, ikun kebbes in-nar, jifraħ, għax xogħlu jkun intemm: aħna nkunu qed naħdmu biex inkissru lil xulxin, l-ewwel lilna nfusna, għax nitneżżgħu mill-imħabba, u mbagħad lill-oħrajn.
Il-Papa nnota li aħna dipendenti wisq fuq did-drawwa li nħammġu lill-oħrajn: hi żerriegħa miżrugħa fina mix-xitan. Għalhekk biex ikollna paċi żgura jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex nibqgħu fil-Mulej.
Miġjub għalll-Malti mit-Taljan minn Joe Huber