Il-Papa mar funeral ta’ ħabiba tiegħu.

Print Friendly, PDF & Email

Minkejja r-riżervatezza ta’ bosta papiet matul is-sekli, il-Papa Franġisku huwa magħruf għall-umanità tiegħu u rajna wkoll li ma jiħux gost b’ċerti atteġġjamenti bħalma seħħ fl-inċident meta f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena mara ġibditu minn idejh.

Il-Papa Franġisku iżda ma jiddejjaqx juri emozzjoni umana. Huwa wera sogħba għall-mewt ta’ ħabiba tiegħu tant li fl-aħħar tas-sena, attenda għall-quddiesa funebri ta’ Maria Grazia Mara, mara lajka Taljana bil-laqam ta’ Nella li mietet ġurnata qabel fl-eta ta’ 95 sena.

Il-Papa mar fil-Knisja ta’ San Ġużepp f’Ruma fit-3.00 pm, u mar dritt ipoġġi l-fjuri fuq it-tebut, u wara mar bilqiegħda fuq il-lemin tat-tebut.

Meta l-Isqof Guerino Di Tora kien mgħarraf bil-preżenza tal-Papa, bagħat wieħed jistaqsih jekk riedx ikun iċ-ċelebrant. Min-naħa tiegħu, Franġisku bagħat jgħidlu li kien hemm biex isellem lill-ħabiba tiegħu.

Dawn id-dettalji kienu magħrufa bis-saħħa tal-ġurnalista veteran Taljan Luigi Accatoli, li skont ir-rakkont tiegħu, meta wasal il-ħin tat-tqarbin, il-Papa qam u ngħaqad mal-fidili l-oħra biex jirċievi lil Ġesù.

Meta spiċċat il-quddiesa, filwaqt li ċ-ċelebranti daħlu fis-sagristija biex ineħħu l-abbiti sagri, Franġisku bil-kwiet kollu ħalla l-knisja, l-istess kif kien wasal, u waqaf biss biex isellem lill-qraba tal-mejta.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Papa Franġisku mar jisma’ quddies mingħajr ma kien mistenni. Fl-2015, huwa mar għall-quddiesa tas-sebgħa ta’ filgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru għall-festa ta’ San Piju X, fejn kien hemm l-urna tad-dfin tiegħu għall-qima tal-fidili.

https://www.quotidiano.net/cronaca/papa-francesco-oggi-1.4960964

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: