Aktar dwar sehem Ratzinger fil-ktieb ta’ Sarah

Print Friendly, PDF & Email

Fil-bullettin tal-bieraħ wassalna aħbar dwar ktieb miktub mill-Kardinal Sarah u l-Papa Emeritu Benedittu XVI. Intant l-Arċisqof Georg Gänswein, Segretarju Personali tal-Papa Emeritu ħareġ stqarrija lill-aġenziji tal-aħbarijiet rigward il-ktieb dwar iċ-ċelibat saċerdotali li jġib il-firem ta’ Benedittu XVI u tal-Kardinal Robert Sarah u kellu jiġi ppubblikat illum fi Franza.

Fl-istqarrija l-Arċisqof Gänswein ikkonferma li lbieraħ filgħodu fuq talba tal-Papa Emeritu huwa talab lill-Kardinal Robert Sarah biex jikkuntattja lill-pubblikaturi tal-ktieb u jitlobhom ineħħu l-isem ta’ Benedittu XVI bħala ko-awtur tal-ktieb innifsu kif ukoll biex jitneħħa ismu mill-introduzzjoni u l-konklużjonijiet.

Il-Papa Emeritu kien jaf sew li l-Kardinal kien qed iħejji ktieb u kien bagħat test qasir minn tiegħu dwar is-saċerdozju u awtorizza lill-Kardinal biex jużah kif xtaq. Iżda l-Papa Emeritu ma tax approvazzjoni għal xi proġett ta’ ktieb iffirmat minnu mal-Kardinal Sarah u lanqas ma ra u awtorizza l-qoxra tal-ktieb. Is-Segretarju Personali tal-Papa qal li dan kien nuqqas ta’ ftehim u ma kienx hemm dubju mill-buona fede tal-Kardinal Sarah.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: