L-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi ta’ Malta u Għawdex


L-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi ta’ Malta u Għawdex fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.

Capture

It-Tribunali tal-Knisja tal-Provinċja Ekkleżjastika Maltija ċċelebraw l-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja nhar l-Erbgħa 15 ta’ Jannar 2020, fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.

Il-Lectio Magistralis din is-sena ngħatat mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fejn spjega kif id-dokument leġiżlattiv tal-Papa Franġisku Vos estis lux mundi (Intom id-Dawl tad-Dinja) ġie promulgat u kif intlaqa’ mill-Knisja. Dan id-dokument importanti daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019 u jinkludi normi proċedurali li jorbtu lill-Knisja Kattolika madwar id-dinja. Dawn in-normi u regoli għandhom l-iskop li jiġġieldu l-abbuż sesswali (l-aktar dak tal-minorenni u l-adulti vulnerabbli) u jiżguraw li l-isqfijiet u s-superjuri reliġjużi jinżammu kontabbli għall-imġiba tagħhom f’dan ir-rigward.

Il-Vigarji Ġudizzjali tat-tliet Tribunali Ekkleżjastiċi taw il-kontribuzzjonijiet tagħhom dwar it-Tribunal Reġjonali tal-Appell, it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta, u t-Tribunal Djoċesan ta’ Għawdex. Il-Vigarji Ġudizzjali aġġornaw ukoll lil dawk preżenti dwar il-ħidma li t-Tribunali tagħhom wettqu matul l-2019. Dan hu mezz kif it-Tribunali jkunu kontabbli u trasparenti fil-ħidma tagħhom, skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku. Huma rringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema tat-Tribunali u lil tant kollaboraturi oħra li jaqdu lill-Poplu t’Alla f’din il-ħidma tant delikata u fl-istess ħin tant bżonjuża.