Il-vera mħabba


Illum ħafna qiegħdin fl-ewforija ta’ San Valentinu, il-qaddis u l-qassis tal-maħbubin. Bħalissa ħafna huma dawk li qiegħdin jirċievu s-sorpriżi sbieħ li joffri dan il-jum. Sakemm ma titfaċċax xi majnata minn taħt ir-riħ!

Imma l-imħaba hi bil-wisq aktar qawwija u ta’ tifsira minn ewforija. L-imħabba m’hijiex sempliċiment xi sentiment li ma ġġagħlekx tirraġuna jew li, tant kemm tibda’ tħabbat qalbek minħabba fiha, li tispiċċa titfixkel fix-xejn. Le! L-imħabba tfisser impenn. U impenn li jagħti l-frott. L-għaliex, kif jgħid tant tajjeb il-kbir Papa Benedittu XVI fl-ewwel enċiklika tiegħu li titħaddet dwar l-imħabba nisranija, Deus caritas est:

Bil-maqlub għall-imħabba indeċiża u li għadha qiegħda tifttex, din il-kelma tfisser l-esperjenza ta’ l-imħabba li issa ssir tassew għarfien Dan qabel xejn jiddependi mill-fatt li l-bniedem huwa magħmul minn ġisem u ruħ. Il-bniedem isib li hu tassew bniedem fih innifsu meta ġismu u ruħu huma magħquda f’relazzjoni intima bejniethom; din l-isfida ta’ l-eros tintrebaħ tassew, meta sseħħ din il-għaqda ta’ bniedem ieħor, billi tirbaħ in-natural personali egoista li qabel kien jaħkem bid-dieher. Issa l-imħabba ssir ħsieb u ħerqa għal ħaddieħor. Ma tfittixx aktar lilha nnifisha, mhix telfa f’sakra għat-tgawdija; flok dan, l-imħabba tfittex il-ġid tal-bniedem maħbub: hekk issir ċaħda, li hi lesta għas-sagrifiċċju, anzi tfittxu (nru.6).

Kinitx din ukoll l-imħabba li saqet lill-Maltin biex jilqgħu lill-appostlu Pawlu, li l-miġja tiegħu fostna iċċelebranieha b’pompa manja nhar it-Tlieta li għaddew? U kinitx ukoll din l-imħabba li saqet lill-istess Pawlu biex jagħti lilu nnifsu lill-Maltin billi jfejqilhom il-morda tagħhom u jħabbrilhom lil Kristu?

Iżda ħbieb imħabbet Pawlu għall-Maltin u imħabbet il-Maltin għall-barranin li kienu fil-għawġ ma’ Pawlu ma waqfitx elfejn sena ilu. Anzi! Din l-imħabba issuktat għaddejja mas-sekli! Sakemm waslet fis-seklu tagħna. U inkarnat ruħha f’persuna tant għażiża li l-Mulej biha għamel u għadu jagħmel bosta u bosta ġid. Fis-skiet! L-aktar ma’ Ġesù li qed ibati fil-barrani u r-refuġjat. B’ferħ u rikonoxximent lejn il-Mulej Ġesù qiegħed nirreferi għal mons. Philip Calleja li żgur li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni.

Kulħadd jaf kemm dan is-saċerdot eżemplari ħadem fuq li ħadem biex jaqdi lil Ġesù fl-emigrant u r-refuġjat. Kemm kien pass għaqli, uman, u fuq kollox, qaddis, li nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Diċembru 2019, tnieda l-ktieb li jirrakkonta l-istorja tiegħu bit-titlu: Philip Calleja – Għex għall-bniedem maqlugħ minn għeruqu. Dan il-ktieb ġie maħruġ mill-Kummissjoni Emigranti u mill-Midsea Books. Fih għandna, ta’ lanqas, ċelebrazzjoni ta’ snin ta’ ħidma li Mons. Calleja ddedika għall-emigranti Maltin u l-familji tagħhom, għall-barranin li jfittxu l-ażil f’Malta, u anki għall-Knisja f’Malta.

Din il-bijografija sabiħa ta’ mhux anqas minn 500 paġna, li tiċċelebra l-ħajja, il-ħidma u l-ministeru ta’ Mons. Calleja ma’ Ġesù li għadu qed ibati fostna fl-emigrant u fil-barrani, inkitbet minn Charles Buttigieg. Bħalma nafu Charles Buttigieg ħadem għal bosta snin spalla ma’ spalla ma’ Mons. Calleja. Meta wieħed jaqra din il-bijografija nteressanti u għalliema għall-aħħar mill-ewwel jintebaħ kemm Charles Buttigieg iħares lejn Mons. Calleja bħala l-qassis tal-emigrant Malti u Samaritan tar-refuġjat f’Malta.

Il-ktieb joffri wkoll l-istorja tal-Kummissjoni Emigranti, li twieldet nhar l-1 ta’ Marzu, 1950, f’Palazzo Carafa, il-Belt Valletta, b’inizjattiva tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Barra minhekk, il-ktieb Philip Calleja – Għex għall-bniedem maqlugħ minn għeruqu, jagħti wkoll il-ġrajja ta’ Dar l-Emigrant, fil-Belt. Dan kien proġett maħsub u mwettaq bl-impenn ta’ Mons Calleja.

Tajjeb ngħidu li l-ktieb għandu fih ħames taqsimiet. Fl-ewwel taqsima għandna t-trobbija ta’ Mons. Calleja u kif ukoll kif ħajtu nstiġet fil-Belt Valletta. Fit-tieni taqsima naraw l-imħabba u d-dedikazzjoni tiegħu għall-emigrant Malti u l-familja tiegħu. Fit-tielet taqsima nassistu għall-ħidma tiegħu fil-Knisja. Fir-raba’ taqsima napprezzaw u nfaħħru lill-Mulej għall-qalb kbira samaritana li tah għar-refuġjati. Filwaqt li fil-ħames u fl-aħħar taqsima nitgħallmu ftit mill-għerf li l-Mulej żejjen bih lil Mons. Calleja għax nitgħallmu minn dak li jgħid dwar persuni partikolari li ltaqa’ magħhom matul is-snin ta’ ħajtu.

F’messaġġ tassew sabiħ li l-arċisqof ta’ Malta. Mons. Charles J. Scicluna, ta f’din l-okkażjoni sabiħa, beda billi faħħar lill-Mulej li minnu jiġi kull don perfett, li minnu jiġi kull ġid. Imbagħad l-arċisqof fakkar li għalkemm l-Università kienet tat lil Mons. Calleja degree honoris causa, dan is-saċerdot ġeneruż għandu jibqa’ imfakkar għall-imħabba kbira ħafna li biha ħabb lil għajru fit-tbatija. Jiena naħseb għandna nifirħu miegħek amoris causa, għax dak li għamilt inti huwa kollu xhieda konkreta ta’ min iħobb u jħobb ħafna.

Fid-diskors tiegħu Mons. Scicluna semma l-fatt ta’ mara li Mons. Calleja kien talabha tiffirma l-petizzjoni għad-Domma tal-Assunta. Ma ninsewx li fl-1949 Mons. Calleja kien fost il-membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija li kienu qed iżuru d-djar biex jiġbru l-firem favur li l-Papa jiddikjara d-Domma tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem. Fi Triq Merkanti, il-Belt, iltaqa’ ma’ armla li kienet tgħix waħidha u ma kinitx taf tikteb. L-omm urietu li kienet inkwetata sewwa għax binha kien ilu li emigra lejn l-Awstralja snin sħaħ u qatt ma rċeviet xejn mingħandu. Talbietu jiktiblu ittra f’isimha. Waqt li kien jismagħha u jikteb, Philip fehem kemm hu kbir u profond l-uġigħ ta’ dik l-omm. Tqanqal sal-punt li beka. Kienet esperjenza li rabtitu bis-sħiħ mal-Kummissjoni Emigranti u wasslitu biex jiddedika ħajtu l-ewwel għall-emigrant Malti u familtu u mbagħad għar-refuġjat f’Malta.

Għoġbittni ħafna l-interpretazzjoni li ta l-arċisqof għal din l-esperjenza qawwija ta’ fidi li kellu Mons. Philip Calleja: Imma Alla nqeda biha biex tiftaħlek il-bieb għal din il-vokazzjoni. Id-dmugħ tiegħek dakinhar kien dmugħ ta’ qalb li tħobb. U aħna nirringrazzjaw lil Alla talli, Dun Philip, għamlek appostlu tal-emigranti.

L-imħabba ta’ Kristu ma tiskadi qatt! Għalhekk illum, Mons. Calleja, baqa’ jaqdi mal-barranin li jiġu fostna jfittxu ażil. Il-kliem qawwija tal-arċisqof Scicluna juru tabilħaqq min hu Mons. Calleja. Illum il-Mulej sejjaħlek għal vokazzjoni oħra, Dun Philip, li tiltaqa’ mal-biża’ tal-poplu Malti u taħdem biex tittrasformah f’akkoljenza, fina wkoll għax aħna ngħidu ‘le’ imma inti tgħallimna u għallimtna ngħidu ‘iva’. Nilqgħu l-barrani għaliex Ġesù se jistaqsina: kont barrani u lqajtuni.

Filwaqt li nifraħ minn qalbi lil Mons. Calleja ta’ kemm ħabb lil Malta, lill-Maltin, lill-emigranti u lir-refuġjati nixtieq minn qalbi nagħmel din it-talba fuqu: Mulej, grazzi ta’ nies u saċerdoti bħal Mons. Calleja li imħabbithom tawhielhek mingħajr kundizzjoni. Grazzi ta’ dan is-saċerdot li ħadem amoris causa. Bierku u ibqa’ agħtina saċerdoti u persuni ikkonsagrati ta’ din il-kwalità li ma jqisux l-interessi tagħhom imma dawk biss ta’ saltnatek. Saċerdoti u persuni ikkonsagrati li fihom hemm biss imħabbteK! Il-vera mħabba! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap