Illum il-Knisja tfakkar lis-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija


Fis-17 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lis-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija, li għexu fis-7 Seklu.

Dawn il-qaddisin kienu negozjanti tad-drapp f’Firenze li, għall-ħabta tas-sena 1233, waqt li belthom kienet għaddejja minn żmien ta’ ġlied imdemmi bejn l-aħwa, ħallew il-familji tagħhom u ġidhom u bdew jgħixu ħajja ta’ faqar fid-distrett ta’ Cafaggio.

Huma libsu l-abitu griż tal-Aħwa tal-Penitenza, konfraternità ta’ lajċi li tagħha kienu membri, u ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena.

Wara ftit taż-żmien, xi wħud minnhom bdew jgħixu ħajja waħedhom fuq il-Muntanja Senario, xi dsatax-il kilometru ’l bogħod minn Firenze. Meta d-dumnikan qaddis Pietru ta’ Verona, ippriedka f’Firenze matul l-Avvent u r-Randan tas-snin 1244-45, is-seba’ sħab għenuh jorganizza s-Soċjetà ta’ Marija, għaqda ta’ lajċi, filwaqt li hu għen lill-aħwa biex jifformaw komunità reliġjuża, waħda li tinkludi kemm l-eremiti fuq il-muntanja Senario kif ukoll il-grupp ta’ appostolat f’Cafaggio.

Huma sejħu lilhom infushom “Servi ta’ Marija” għax kien hemm kappella tal-Madonna fiż-żewġ postijiet. Dawn is-serviti adottaw ir-regola ta’ Santu Wistin u ħadu l-abitu iswed b’devozzjoni lejn id-Duluri tal-Madonna.

Is-seba’ fundaturi kienu dawn:

  • Bonfiglio (gwida tal-grupp lajk u wara prijur tal-komunità ġdida);
  • Bonagiunta, (prijur bejn l-1256 u l-1257);
  • Manetto (li waqqaf l-ewwel fundazzjonijiet fi Franza);
  • Amadio (ir-ruħ tal-grupp);
  • Sostegno u Uguccione (ħbieb magħhom); u
  • Alessju (ziju ta’ Santa Ġuljana).

Ruma kienet għarfet il-kontribut tagħhom iżda kellhom jgħaddu mas-sittin sena, jiġifieri fis-sena 1304 li s-Santa Sede tagħthom l-għarfien uffiċjali. Dawn is-Seba’ Fundaturi tas-Servi ta’ Marija ġew ikkanonizzati flimkien fl-1888 mill-Papa Ljun XIII.

Jinsabu kollha midfunin flimkien f’Monte Senario, fuq l-altar li sar mill-Kardinal Alessio Enrico Maria Lepicier, tal-istess ordni, li kien żar Malta u Għawdex u nkuruna lill-Madonna ta’ Pinu bħala legat tal-Papa fl-1935.

Is-Serviti ta’ Marija għamlu l-fuq minn mitt sena fil-paroċċa ta’ Stella Maris, Sliema.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com