It-Tnejn, 9 ta’ Marzu 2020. Ċirkulari mid-Djoċesi ta’ Għawdex – TALB GĦALL-ĦARSIEN TAS-SAĦĦA
Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes u Superjuri reliġjużi
Nixtiequ nħeġġukom biex nitolbu ħalli naqilgħu mingħand Alla l-grazzja tas-saħħa fir-ruħ u fil-ġisem u biex titrażżan u titwaqqaf il-Coronavirus (COVID-19) fid-dinja. Nitolbu għal dawk kollha milquta u għal dawk kollha li qegħdin joffru s-servizzi tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet b’risq is-saħħa.
Għalhekk, l-adorazzjoni li ssir fil-parroċċa jew il-Ħamis 12 jew il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2020 kif ukoll it-talba tar-Rużarju għandhom isiru għal din l-intenzjoni. Inħeġġu wkoll lill-familja titlob ir-Rużarju flimkien.
Miżura ġdida mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa hi li ma jkunx hemm ilma mbierek fil-fonti tal-ilma mbierek fil-knejjes. Għalhekk għandu jitneħħa l-ilma mbierek mill- fonti.
Infakkru wkoll f’dak li diġà ġie kkomunikat, li sakemm jingħataw direttivi oħra, it- Tqarbin Ewkaristiku bl-ostja għandu jsir biss fl-idejn u mhux fuq l-ilsien. Fil-każijiet permessi għal tqarbin mill-kalċi, dan m’għandux isir billi wieħed jixrob direttament mill-istess kalċi, iżda biss per intinctionem (billi tiġi miblula l-ostja).
Nerġgħu nfakkru wkoll li min jiċċelebra l-quddiesa għandu jiżgura ruħu li jkun iddiżinfetta jdejh sewwa qabel ma tibda l-quddiesa u qabel jibda jqarben. Il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin ukoll għandhom jiddiżenfettaw idejhom qabel ma jqarbnu. Ikun tajjeb li n-nies preżenti għall-quddiesa jkunu żgurati minn dan.
Kif nafu, hi responsabbiltà tagħna lkoll li nieħdu l-miżuri kollha biex nevitaw dak kollu li b’xi mod jista’ jxerred il-mard, speċjalment fejn jinġabru numru kbir ta’ nies bħall-knejjes jew swali tal-Knisja.
F’kull miżura li tittieħed aħna se nimxu mad-direttivi u l-indikazzjonijiet li jingħataw mill-Awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta. Jekk ikun hemm xi żviluppi, ninfurmawkom minnufih.
Maħruġa mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, Għawdex, illum 9 ta’ Marzu 2020.
Mons. Tarcisio Camilleri Locum Tenens