Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann Ogilvie


Fl-10 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Ogilvie, Ġiżwita u Martri li għex bejn is-snin 1579 sa 1615.

Dan il-qaddis kien bin il-baruni ta’ Drum-na-Keith fl-Iskozja; kien imrobbi bħala kalvinista. Kien mibgħut jistudja fi Franza, u hawn, bħala student beda jinteressa ruħu fuq il-kontroversji reliġjużi li kienu jifirdu ’l qrabatu.

Ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika fil-Kulleġġ Skoċċiż f’Louvain (1596) meta kellu sbatax-il sena. Mar imbagħad jistudja f’Regensburg u ngħaqad mal-Ġiżwiti fi Brno tliet snin wara, fl-1599.

Għal għaxar snin John Ogilvie ħadem fl-Awstrija, l-aktar fi Graz u fi Vjenna. Imbagħad kien assenjat lill-provinċja Franċiża, u kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1610. Minn dak iż-żmien xtaq u talab li jintbagħat lura jaħdem f’pajjiżu fl-Iskozja. Xewqtu ġiet maqtugħa fl-1613.

Minħabba l-liġijiet kontra s-saċerdoti nsara, hu vvjaġġa bl-isem ta’ John Watson, bħala negozjant taż-żwiemel jew bħala suldat. Hu sab li ħafna nobbli Skoċċiżi aċċettaw ir-reliġjon protestanta, almenu minn barra, u ma kinux lesti jgħinu saċerdot ipprojbit.

Billi f’pajjiżu ma tantx irnexxa, John Ogilvie mar Londra biex jikkuntattja wieħed mill-ministri tar-re u mbagħad mar Pariġi għall-konsultazzjoni, imma qalulu biex jirritorna lura fl-Iskozja, kif fil-fatt għamel.

F’Edinburgh hu qagħad għand wieħed avukat u għamilha ta’ għalliem għal ibnu, jamministra s-sagramenti lil ġemgħa ta’ kattoliċi, jipprietka u jżur il-ħabsijiet. Iżda wara ħdax-il xahar ġie mikxuf u arrestat fi Glasgow.

Għadda ħames xhur fil-ħabs fejn kien maħqur billi ma jagħtuhx jiekol u ma jħalluhx jorqod, qatgħulu xagħru u waddbuh kemm -il darba fl-art. Darba nżamm imqajjem għal tmint ijiem sħaħ f’attentat biex jikxef ismijiet ta’ Kattoliċi oħra. Mill-ħabs irnexxielu joħroġ b’kuntrabandu.

San Ġwann Ogilvie ġie kkundannat għal tradiment high treason imma offrewlu li jiġi meħlus u ħafna benefiċċji għoljin kieku kellu jiċħad ir-reliġjon tiegħu. Billi ma aċċettax, hu kien mgħallaq fi Glasgow minħabba d-difiża tiegħu tas-supremazija tal-Papa, fl-10 ta’ Marzu, 1615 meta kellu 36 sena. Iddikjarah qaddis Pawlu VI fl-1976.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.