Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Matilde


Fl-14 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Matilde, Reġina li għexet bejn is-snin 895 sa 968.

Matilde (bl-Ingliż Maud) ingħad dwarha li kienet ir-reġina ideali għal nazzjon Nisrani. Isimha bil-Ġermaniż jfisser “qawwija fit-taqbida”. Hija kienet bint il-Konti Teodoriku tas-Sassonja u twieldet qrib is-sena 895.

Minn ċkunitha rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn nannitha, jisimha wkoll Matilde, li kienet badessa fil-monasteru tal-kanonikessi ta’ Herford, fejn daħlet wara li romlot. Hawn Matilde tgħallmet ir-rakkmu, u kisbet imħabba għax-xogħol, għat-talb u għall-qari spiritwali.

Baqgħet fil-monasteru sakemm il-ġenituri tagħha żewġuha, fis-sena 913, lil Enriku l-Kaċċatur. Enriku sar duka wara l-mewt ta’ missieru, u fid-919, laħaq ukoll re tal-Ġermanja.

Bħala reġina, Matilde kienet xempju ta’ virtujiet Insara; kienet iżżur u tfarraġ lill-morda u lill-imnikktin, tgħallem, tgħin lill-ħabsin, u tħabrek ukoll biex il-ħżiena jbiddlu ħajjithom. Żewġha kien ukoll jingħaqad magħha f’dawn l-opri tajba.

Hija kellha b’kollox ħames ulied: tlieta subien u żewġt ibniet. Fost dawn insemmu lill-futur imperator, Otto I il-Kbir; lil Ġerbera, li żżewġet lir-re Lwiġi IV ta’ Franza; l-arċisqof qaddis ta’ Cologne, Bruno; u Enriku mlaqqam “il-ġellied”, li kellu jikkuntenta li jsir duka tal-Bavarja.

Wara ftit li romlot, Matilde warrbet kull xorta ta’ vanità, u ngħatat aktar għall-opri ta’ għajnuna għall-fqar. Ħasbet ukoll biex qrib il-qabar ta’ żewġha, fi Queslinberg, tibni kunvent tas-sorijiet li baqgħet tieħu ħsiebu għal tletin sena.

Ir-Re Enriku miet wara li saltan għal sittax-il sena. Kienet ix-xewqa tal-mejjet li ibnu l-kbir Otto jinħatar bħala re warajh. Imma Matilde għażlet lil binha l-fustani Enriku u ġie nkurunat re fit-8 ta’ Awwissu, 936.

Santa Matilde mietet ta’ 73 sena fl-14 ta’ Marzu, 968 fi Queslinberg, u kienet midfuna ħdejn żewġha fil-kappella tal-kastell. Kienet magħrufa bħala mara ta’ tjubija tal-għaġeb u reġina qaddisa. Hija Patruna tal-ommijiet li uliedhom jiddiżappuntawhom.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.