Is-Sibt, 14 ta’ Marzu 2020: Il-Papa Franġisku offra l-quddiesa tal-lum għall-morda bil-coronavirus u għall-familji, l-aktar dawk li għandhom xi membru diżabbli u jridu jieħdu ħsiebu minħabba li ċ-ċentri u l-iskejjel huma magħluqin. Nitolbu għall-familji sabiex ma jitilfux il-paċi u jibqgħu mexjin bil-qawwa u l-ferħ, qal Franġisku.
Fl-omelija l-Papa għamel riflessjoni dwar l-Evanġelju, ir-rakkont tal-parabbola tal-iben il-ħali.
Dal-pass tal-Evanġelju smajnieh kemm-il darba. Ġesù jirrakkonta dil-parabbola f’kuntest speċjali: ‘Resqu lejh il-pubblikani u l-midinbin biex jisimgħuh. Il-fariżej u l-iskribi bdew igemgmu u jgħidu: ‘Dan jilqa’ għandu lill-midinbin u jiekol magħhom.’’ Ġesù jweġibhom b’dil-parabbola.
Xi jgħidu n-nies? Il-midinbin jersqu fis-skiet, ma jafux x’se jgħidu, imma l-preżenza tagħhom tgħid ħafna. X’jgħidu d-dutturi tal-liġi? Jikkritikaw, igemgmu, jgħidilna l-Evanġelju. Riedu jxejnu l-awtorità li Ġesù kellu fuq in-nies. Din kienet l-akkuża l-kbira: ‘Jiekol mal-midinbin, mhuwiex safi.’
Il-parabbola ftit jew wisq hi spjega ta’ dan id-dramm, ta’ dil-problema. X’qed iħossu dawn? In-nies tħoss il-bżonn tas-salvazzjoni. In-nies ma jafux jagħżlu sewwa intellettwalment: ‘Jien għandi bżonn il-Mulej biex itini l-milja; neħtieġ gwida, ragħaj.’ In-nies jersqu lejn Ġesù għax fih jaraw ragħaj, għandhom bżonn l-għajnuna biex jimxu fil-ħajja. Iħossu dal-bżonn.
L-oħrajn, id-dutturi, iħossuhom importanti, imkabbrin: ‘Aħna morna l-università, għamilt dottorat, anzi, żewġ dottorati. Naf sewwa x’tgħid il-liġi, anzi naf l-ispjegazzjonijiet kollha f’kull każ li jinqala’.’ U jħossuhom importanti, jiddisprezzaw in-nies, jiddisprezzaw il-midinbin.
Fil-parabbola jiġri l-istess: l-iben jitlob sehmu ħalli jkun jista’ jitlaq. Il-missier itihulu, ma jgħid xejn – forsi waqgħetlu f’moħħu xi mqarbata li kien għamel meta kien iżgħar, imma ma jgħid xejn.
Il-missier jaf isofri fis-skiet. Il-missier iħares lejn iż-żmien, jistenna l-waqtiet koroh jgħaddu. Ħafna drabi l-atteġġjament tal-missier jidher behlieni quddiem in-nuqqasijiet ta’ wliedu. L-iben l-ieħor iċanfar lil missieru: ‘Int kont inġust,’ jgħidlu.
X’qed iħossu dawn il-persunaġġi tal-parabbola? L-iben iż-żgħir iħoss li jrid jibla’ d-dinja, irid jaqbeż il-linja, joħroġ mid-dar għax forsi jħossha qisha ħabs, u huwa mkabbar biżżejjed li jasal jgħid lil missieru: ‘Agħtini sehmi.’ Iħossu kuraġġuż, mimli qawwa.
Xi jħoss il-missier? Il-missier iħoss in-niket, it-tenerezza u ħafna mħabba. U mbagħad, meta ibnu jgħid dik il-kelma l-oħra: ‘Inqum u mmur għand missieri,’ isib lil missieru jistennieh, jilmħu mill-bogħod. Missier li jaf jistenna ż-żmien ta’ wliedu.
Xi jħoss l-iben il-kbir? L-Evanġelju jgħid: ‘jinkorla’, iħoss disprezz. Dan hu l-uniku mod kif dawk in-nies kienu jħossuhom denji. Dan hu dak li jgħid l-Evanġelju. Imma liema hi l-problema? Il-problema, ibda mill-iben il-kbir, hi li hu kien jgħix fid-dar imma qatt ma fehem xi jfisser tgħix fid-dar: kien jagħmel dmiru, kien jaħdem, imma ma kienx qed jifhem xi tfisser ir-relazzjoni mal-missier. ‘L-iben il-kbir inkorla u ma riedx jidħol (id-dar).’ Ħaseb bejnu u bejn ruħu: ‘Imma din mhix diġà dari?’ L-istess iħossu d-dutturi tal-liġi. ‘M’hemmx regola, ġie dal-midneb u għamlulu festa, u jien?’
Il-missier jgħid kelma ċara: ‘Ibni, inti dejjem miegħi u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.’ L-iben il-kbir qatt ma ntebaħ b’dan. Kien jgħix fid-dar qisu f’lukanda, bla ma jħoss dik il-paternità… Hawn bosta ‘lukandiera’ fil-Knisja li jħossuhom padruni.
Interessanti li l-missier ma jgħid xejn lil ibnu li reġa’ lura mid-dnub. Ibusu biss, iħaddnu miegħu u jagħmillu festa. Lill-kbir kellu jispjegalu biex jipprova jidħol f’qalbu: qalb dan kienet magħluqa minħabba l-idea li kellu tal-paternità, tal-filjolanza, tal-mod kif jgħix.
Niftakar f’saċerdot anzjan, għaref, konfessur kbir li kien ukoll missjunarju, raġel li kien iħobb ħafna lill-Knisja, li rrakkonta dikursata ma’ saċerdot żagħżugħ, ċert minnu nnifsu, ta’ twemmin kbir, imma li kellu l-impressjoni li hu kien valur fih innifsu, li fil-Knisja hu kellu d-drittijiet. Das-saċerdot anzjan kien jgħid: ‘Jien nitlob għalih biex il-Mulej iqegħidlu qoxra ta’ banana ħalli jiżloq fiha għax jagħmillu tajjeb.’ Qisu qed jgħid – tidher donnha dawgħa: ‘Jagħmillu tajjeb jidneb għax ikollu bżonn jitlob maħfra u b’hekk isib lill-Missier.’
Dil-parabbola tal-Mulej tgħidilna ħafna affarijiet li huma tweġiba għal dawk li kienu jikkritikawh għax jagħmilha mal-midinbin.
Imma llum ukoll hawn ħafna li jikkritikaw – nies tal-Knisja – lil dawk li jersqu lejn in-nies fil-bżonn, lejn il-bnedmin umli, lejn il-ħaddiema, anke lejn dawk li jaħdmu għalina.
Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nifhmu l-problema. Il-problema hi li ngħixu fid-dar imma nħossuna barranin fiha għax m’hemmx relazzjoni ta’ paternità, ta’ fratellanza, hemm biss relazzjoni ta’ kollegi tax-xogħol.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.