Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu 2020: Kif ilu jsir mill-ġimgħa li għaddiet, illum, solennità ta’ San Ġużepp, patrun tal-Knisja Universali, il-quddiesa mill-kappella tad-Dar Santa Marta ntweriet fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tas-Santa Sede. Id-19 ta’ Marzu huwa wkoll is-seba’ anniversarju tal-bidu tal-pontifikat ta’ Franġisku.
Fl-introduzzjoni tal-quddiesa l-Papa talab għall-ħabsin u għall-familji tagħhom. Imbagħad, f’kumment dwar l-Evanġelju tal-lum, il-Papa tkellem dwar Ġużeppi, raġel ġust, raġel ta’ fidi, bil-ħila li jidħol fil-misteru ta’ Alla.
L-Evanġelju jgħidilna li Ġużeppi kien raġel ‘ġust’, raġel ta’ fidi, kien jgħix il-fidi. Kien bniedem li jitniżżel mal-lista tan-nies kollha ta’ bnedmin ta’ fidi li kellna llum fl-uffiċċju tal-qari, dawk in-nies li għexu l-fidi ta’ min, għalih, il-fidi hi s-sies ta’ dak li jittama fih, garanzija u prova ta’ dak li ma jarax.
Ġużeppi kien bniedem ta’ fidi: għalhekk kien ‘ġust’. Mhux biss għax kien jemmen imma għax kien jgħix il-fidi. Kien maħtur biex jeduka raġel li kien bniedem veru imma kien ukoll Alla. Kien hemm bżonn ta’ bniedem-Alla biex jaqdi dmir bħal dan, imma dan ma kienx jeżisti. Il-Mulej għażel wieħed ‘ġust’, bniedem ta’ fidi, bniedem kapaċi jkun bniedem u kapaċi jitkellem ma’ Alla, jidħol fil-misteru ta’ Alla.
Hekk kienet il-ħajja ta’ Ġużeppi: kien jgħix il-professjoni tiegħu, il-ħajja tiegħu ta’ bniedem u jidħol fil-misteru. Kien bniedem kapaċi jitkellem mal-misteru, kapaċi ‘jiddiskuti’ mal-misteru ta’ Alla. Ma kienx ħalliem. Kien jidħol fil-misteru bl-istess naturalezza li biha kien imexxi l-mestjier tiegħu bil-preċiżjoni: iqabbel il-minċotti sal-anqas millimetru. Kien preċiż. Imma kellu ħila wkoll jidħol fil-misteru li hu ma setax jikkontrollah.
Din hi l-qdusija ta’ San Ġużepp: li jmexxi ħajtu, il-mestjier tiegħu, bil-preċiżjoni, bil-professjonalità, u fl-istess waqt jidħol fil-misteru. Meta l-Evanġelju jkellimna dwar il-ħolm ta’ Ġużeppi, dan irid ifehimna: jidħol fil-misteru.
Qed naħseb fil-Knisja llum – kompla Franġisku – f’dis-solennità ta’ San Ġużepp. Il-fidili tagħna, l-isqfijiet tagħna, is-saċerdoti tagħna, il-persuni kkonsagrati tagħna, il-papiet, għandhom ħila jidħlu fil-misteru? Jew għandhom bżonn jirregolaw ruħhom skont il-preċetti li jiddefenduhom minn dak li huma ma jistgħux jikkontrollaw? Meta l-Knisja titlef il-possibbiltà li tidħol fil-misteru, titlef il-ħila li tqim. It-talba ta’ adorazzjoni ssir biss meta nidħlu fil-misteru ta’ Alla.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li l-Knisja tagħraf tgħix il-ħajja ta’ kuljum b’mod konkret u anke bil-konkretezza tal-misteru. Jekk dan ma tagħrafx tagħmlu tkun Knisja ‘bin-nofs’, tkun għaqda devota imma mingħajr is-sens ta’ adorazzjoni. Id-dħul fil-misteru mhux ħolm; id-dħul fil-misteru hu preċiżament dan: adorazzjoni. Li nidħlu fil-misteru jfisser li llum nagħmlu dak li għad nagħmlu fil-ġejjieni, meta naslu fil-preżenza ta’ Alla: naduraw.
Qabel ma temm il-quddiesa l-Papa ħeġġiġna biex nagħmlu t-Tqarbina tax-Xewqa f’daż-żmien diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus li minħabba fiha twaqqaf il-quddies kollu biex ma jinġemgħux ħafna nies f’daqqa.
Din hija t-talba għat-Tqarbina tax-Xewqa li għamel il-Papa:
‘O Ġesù tiegħi, jien nintelaq f’riġlejk u noffrilek ir-rimors ta’ qalbi niedma, mgħaddsa fix-xejn tagħha u fil-preżenza qaddisa tiegħek. Nadurak fis-Sagrament tal-imħabba tiegħek. Nixtieq nirċevik fid-dwejra fqajra li toffrilek qalbi. Bl-istennija tal-hena tat-Tqarbina Sagramentali, irridek tkun miegħi fl-ispirtu. Ejja għandi Ġesù tiegħi sabiex jien inkun nista’ niġi għandek. Jalla mħabbtek tkebbes l-eżistenza tiegħi kollha għall-ħajja u għall-mewt. Nemmen fik, nittama fik, inħobbok. Hekk ikun.’
Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ntemmet bl-adorazzjoni u l-barka sagramentali.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.