Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ ta’ San Ġużepp


Fid-19 ta’ Marzu l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ ta’ San Ġużepp (Ir-raġel tal-Verġni Mqaddsa Marija) li għex fl-1 Seklu.

San Ġużepp, kien min-nisel tas-Sultan David, u kien daqsxejn ta’ ħaddiem bis-sengħa ta’ mastrudaxxa, f’Nazaret.

Dan il-bniedem umli, twajjeb u qaddis kellu responsabbiltà mill-akbar fdata f’idejh, jew aħjar ġie mogħti lilu privileġġ uniku, dak li jieħu ħsieb il-Madonna u ’l Ġesù.

San Ġużepp, l-għarus tal-Madonna, kien magħżul minn Alla biex ikun il-Missier putattiv tal-Iben t’Alla magħmul bniedem. L-evanġelji jagħtuna ftit tagħrif fuq dan il-qaddis, imma jfaħħruh biżżejjed meta jsejħulu “bniedem ġust” li fil-lingwaġġ bibliku jfisser “imżejjen b’kull virtù”.

Tradizzjoni qadima li żammet l-għeruq tgħid li hu kien xiħ ħafna meta żżewweġ lil Marija. Din jidher li kellha l-iskop biex tenfasizza t-tnissil verġinali ta’ Ġesù, imma fil-fatt m’għandniex naħsbu li San Ġużepp kien xiħ meta żżewweġ lil Marija.

Meta seħħet it-tħabbira tal-anġlu, Marija kienet diġà mgħarrsa ma’ San Ġużepp. Imma hi ma għarrfitu xejn b’dak li kien seħħ fiha u ħalliet lil Alla jaħdem hu. Meta Ġużeppi ntebaħ li Marija saret omm, hu ħaseb li jitlaqha bil-moħbi, imma l-anġlu tal-Mulej għarraf ukoll lil Ġużeppi li dak li seħħ f’Marija kien sar bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 1:18). L-anġlu qallu wkoll li hu kellu jagħtih l-isem ta’ Ġesù. Imbagħad Ġużeppi ħa għandu lil Marija.

San Ġużepp assista lill-Madonna fit-twelid ta’ Binha. Tmint ijiem wara, ħa ħsieb li t-Tifel ikun ċirkonċiż, u semmieh Ġesù kif kien amarlu l-anġlu. Erbgħin jum wara t-twelid tat-Tarbija, mar fit-tempju ta’ Ġerusalemm flimkien mal-Madonna, biex jippreżentaw lit-Tarbija lil Alla, skont il-Liġi ta’ Mosè.

Xhur sew wara, fuq twissija mill-anġlu, ħa ’l Marija u ’l Ġesù u telaq bihom minn Betlem lejn l-Eġittu fejn baqa’ sakemm miet is-Sultan Erodi li ried joqtol lit-tarbija Ġesù.

Meta darba Ġesù, tifel ta’ tnax-il sena, intilef, San Ġużepp baqa’ ma’ Marija jfittxuh sakemm sabuh. Bla dubju San Ġużepp miet qabel il-passjoni ta’ Ġesù, għax kieku Ġesù ma kienx ser jafda lil ommu f’idejn San Ġwann.

B’misteru tal-providenza d-devozzjoni lejn San Ġużepp ma xterditx kmieni fil-Knisja, iżda kienet riservata għal żmienna, għalkemm ħafna qaddisin, bħal San Bernard ta’ Clairvaux, faħħru l-virtujiet u l-privileġġi tiegħu. Fis-seklu ħmistax il-Franġiskan San Bernardinu ta’ Siena xerred il-qima lejh, iżda kienet Santa Tereża ta’ Avila li għamlitu popolari billi kitbet fuqu fl-awtobijografija tagħha: “Lill-qaddisin oħra, Alla tahom il-grazzja li jgħinu lill-bnedmin f’xi ħtieġa speċjali, iżda lil dan il-qaddis glorjuż, jien naf b’esperjenza, Alla tah il-grazzja li jgħinna f’kollox.”

Il-Papa Ġwanni XXIII daħħal l-isem ta’ San Ġużepp fil-Kanoni Ruman, poġġa l-Konċilju Vatikan II taħt il-patroċinju tiegħu u qal: “San Ġużepp jgħallimna nobdu, inżommu s-silenzju, nitkellmu meta jinħtieġ, b’moderazzjoni u ħlewwa.”

Fi żmienna d-devozzjoni lejn dan il-qaddis hi mxerrda ħafna, anki fostna. F’Malta d-devozzjoni lejh inbdiet fir-Rabat fejn hemm l-arċikonfraternità ddedikata lil dan il-qaddis kbir. San Ġużepp hu l-patrun tal-Knisja Kattolika u ta’ diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet. B’mod speċjali hu protettur tal-ħaddiema.

Jidher ċar li miet qabel ma Ġesù ta bidu għall-ħajja tiegħu pubblika, bla dubju ta’ xejn assistit minn Ġesù u minn Marija. U għalhekk il-Knisja għarfitu bħala protettur tal-agonizzanti u tal-moribondi. Il-qima lejh hija ferm qadima fil-Lvant, speċjalment fl-Eġittu. Imma fil-Punent l-ewwel knisja ddedikata lilu nbniet f’Bolonja, fis-sena 1129, waqt li kien il-papa Franġiskan Konventwal li daħħal il-festa tiegħu fil-Kalendarju Universali fl-1474. Fl-aħħarnett, il-Beatu Papa Piju IX, nhar it-8 ta’ Diċembru, 1870, ħatru bħala l-Patrun Universali tal-Knisja kollha.

Il-Papa Leone XIII mar joħroġ enċiklika l-aktar sabiħa dwaru fl-1893. Il-Papa Piju XII fl-1955, waqqaf il-festa tiegħu ta’ “San Ġużepp Ħaddiem” għall-1 ta’ Mejju, bħala l-patrun u l-mudell tal-ħaddiema. Famuż fost tant knejjes ta’ San Ġużepp, is-Santwarju tiegħu f’Montreal fil-Kanada, imwaqqaf minn Sant’Andrè Bessette, li kien Brother Kanadiż tas-Salib Imqaddes, biex jagħti qima lill-qaddis bħala l-patrun speċjali tal-Kanada.

U naturalment jeżistu diversi kongregazzjonijiet ta’ patrijiet u ta’ sorijiet iddedikati lill-Patrijarka ta’ Nazaret, fosthom il-Patrijiet Ġużeppini ta’ San Leonardu Murialdo u s-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni ta’ Sant’Emilja De Vialar (li ġiet Malta fl-1842).

U ma ninsewx il-qaddisin ta’ ordnijiet reliġjużi oħra, li tant xerrdu d-devozzjoni lejn San Ġużepp, bħall-Benedittini, Ċisterċensi, San Bernard, id-Dumnikan San Vinċenz Ferreri, il-Franġiskan San Bernardinu ta’ Siena, il-Karmelitana Santa Tereża ta’ Ġesù u San Luiġi Guanella, li waqqaf is-santwarju ta’ ‘San Giuseppe al Trionfal’ ġewwa Ruma. Anki l-Beatu Nazju Falzon kien devot kbir ta’ San Ġużepp.

San Ġwann Battista De La Salle għażlu bħala l-patrun speċjali tal-istitut tiegħu, u ħalla bil-miktub li l-Brothers jitħeġġu biex inisslu fit-tfal, devozzjoni dejjiema lejn San Ġużepp mudell tal-missirijiet. Filwaqt li San Ġużepp huwa l-mudell perfett ta’ dawk li huma responsabbli tal-edukazzjoni tat-tfal. San Ġwann Battista De La Salle ried li l-Brothers kuljum jgħidu l-Litanija ta’ San Ġużepp.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.