Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għas-saċerdoti u t-tobba li mietu bil-coronavirus


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2020: Il-quddiesa tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta l-Papa offrieha għal-ruħ għas-saċerdoti u t-tobba li mietu għax ħadu l-marda waqt il-qadi ta’ dmirhom mal-morda bil-coronavirus. Fl-Italja s’issa mietu 24 tabib u ħamsin saċerdot, minbarra li hemm mal-5000 operaturi tas-saħħa li tniġġsu mill-marda.

Fl-omelija l-Papa kkummenta l-Evanġelju meħud minn San Ġwann li fih naraw lil Ġesù jfejjaq raġel marid ħdejn il-menqgħa ta’ Betzada.

Il-liturġija tal-lum tgħinna nirriflettu dwar l-ilma, għax huwa mezz ta’ salvazzjoni, imma l-ilma huwa wkoll mezz ta’ dsitruzzjoni: niftakru fid-dulluvju.

Iżda fil-qari tal-lum l-ilma hu salvazzjoni.  Fl-ewwel qari, dak l-ilma li jrodd lura l-ħajja, jaħji l-ilma tal-baħar, ilma ġdid li jagħti l-fejqan.  U fl-Evanġelju, il-menqgħa mimlija bl-ilma, fejn kienu jmorru l-morda biex ifiequ għax kien hemm il-fehma li kultant l-ilma kien jiċċaqlaq qiesu xmara għax kien jinżel anġlu mis-sema biex iqanqlu u l-ewwel wieħed jew l-ewwel uħud li kienu jinżlu fl-ilma kienu jfiequ.

U ħafna – kif jgħid Ġesù – ħafna morda, “kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin”, kienu jkunu hemmhekk jistennew il-fejqan, jistennew l-ilma jitqanqal.

Hemmhekk kien hemm raġel ta’ 38 sena, jistenna l-fejqan.  Iġagħalek taħseb dan hux?  Xi ftit iżżejjed għax xi ħadd li jrid ifiq kien jara kif jagħmel biex isib lil xi ħadd jgħinu ħalli jiċċaqlaq, xi ħadd xi ftit stuż, fuq ruħu.  Imma dan…. 38 sena nistgħu ngħidu li mhux ċar jekk kienx marid jew inkella mejjet….  Ġesù rah hemm, u għax kien jaf ir-realtà, li dak ir-raġel kien ilu hemmhekk, staqsih: “Trid tfiq?”  It-tweġiba hija interessanti: ma jgħidx iva, imma jibda jgemgem.  Minħabba l-marda?  Le.  Il-marid wieġeb: “Sinjur, ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli”,  Bniedem li jasal dejjem tard.  Ġesù jgħidlu: “Qum, aqbad friexek u imxi.  Dak ir-raġel fieq minnufih.

L-imġieba ta’ dar-raġel tħassibna.  Kien marid?  Iva, forsi, kellu xi ħaġa li tfixklu, u donnu li xi ftit seta’ jimxi.  Imma hu kellu qalbu marida, kellu l-ispirtu marid, kien marid bil-pessimiżmu, kien marid bis-swied il-qalb, kien marid bl-għażż.  Din hi l-marda ta’ dar-raġel: “Iva, irrid ngħix, imma….” kien jibqa’ mwaħħal hemmhekk.  U t-tewġiba hi : “Iva,irrid infiq?”.  Le. It-tweġiba hi tgemgim: “L-oħrajn jaslu qabli, dejjem l-oħrajn”.  It-tweġiba għall-offerta ta’ Ġesù biex ifejqu hi tgemgim fuq l-oħrajn.  U hekk, 38 sena qattagħhom igerger dwar l-oħrajn bla ma jagħmel xejn aktar.

Kien is-Sibt: smajna x’għamlu d-dutturi tal-Liġi.  Imma l-qofol ta’ kollox huwa l-laqgħa ma’ Ġesù, wara.  Sabu fit-Tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar”.  Dak ir-raġel kien fid-dnub imma mhux għax kien għamel xi waħda ħoxna, le.  Id-dnub kien li kien jgħix igerger dwar il-ħajja tal-oħrajn: id-dnub tas-swied il-qalb, żerriegħa tax-xitan, tan-nuqqas ta’ ħila li jieħu deċiżjoni dwar ħajtu imma joqgħod iħares lejn il-ħajja tal-oħrajn biex isib fuqhiex igemgem.  Mhux biex jikkritikahom, imma biex igemgem.  “Huma jaslu qabli, jien il-vittma ta’ dil-ħajja”: it-tgemgim, għal dan-nies qiesu l-arja li jitfgħu fil-pulmuni.

Inqabbluh mal-għama mit-twelid li smajna l-istorja tiegħu il-Ħadd li għadda: b’kemm ferħ, b’liem deċiżjoni jilqa’ l-fejqan u b’liema konvinzjoni mar jiddiskuti mad-dutturi tal-Liġi!

Dan kulma għamel kien li mar u qalihom li fieq: “Iva, hu.”  U xejn aktar.  Bla ebda kompromess mal-ħajja…..  Jiġini f’moħħi, kemm minna l-insara jgħixu f’dan l-istat ta’ għażż, bla ħila li jagħmlu xi ħaġa imma jgergru dwar kollox!

L-għażż hu velenu, huwa ċpar li jċajprilna ruħna u ma jħallihiex tgħix.  Huwa droga wkoll, droga għax jekk idduqu spiss, jgħoġbok.  U int tispiċċa “dipendenti mis-swied il-qalb”….  Hu bħall-arja.  Dan hu dnub komuni ħafna fostna: is-swied il-qalb, l-għażż, ma ngħidx malinkonija… imma kważi.

Jagħmlilna tajjeb nerġgħu naqraw il-kapitlu ta’ Ġwanni biex naraw kif inhi dil-marda li nistgħu naqgħu fiha.  L-ilma qiegħed biex isalvana.  “Imma jien ma nistax insalva”.  “Għaliex?”  “Ħtija tal-oħrajn”.  U nibqgħa 38 sena mwaħħal hemm… Ġesù fejjaqni: ma nħarsux lejn ir-reazzjoni ta’ dawk li fiequ, li jaqbdu friexhom u jiżfnu, ikantaw, jiżżu ħajr, ixandru l-fejqan lid-dinja kollha?

Le, ibqa’ għaddej.  L-oħrajn jgħidulu li ma kienx jiswa, u hu jgħidilhom: “Imma dak li fejjaqni qalli li jiswa”.  U mbagħad, minflok mar għand Ġesù, jirringrazzjah, jinforma: “Dak kien”.  Ħajja monotona, imma monotona minħabba dan l-ispirtu ta’ għażż, ta’ swied il-qalb, malinkonika.

Naħsbu fl-ilma, f’dak l-ilma simbolu tal-qawwa tagħna, tal-ħajja tagħna, l-ilma li uża Ġesù biex iġeddidna, il-magħmudija.  U naħsbu ftit fina nfusna, jekk xi ħadd minna jinsab fil-periklu li jaqa’ fl-għażż, f’dad-dnub newtrali: id-dnub tan-newtru dan hu, la abjad u lanqas iswed, li ma nafux fejn qiegħdin.  Dan hu dnub li jista’ jużah ix-xitan biex ixejjen il-ħajja spiritwali tagħna u wkoll il-ħajja tagħna bħala persuni.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu kemm hu ikrah u insidjuż dad-dnub.

Wara t-tqarbin il-Papa rreċita t-Tqarbina tax-xewqa u kien hemm ftit ħin ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù espost.  Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-barka sagramentali.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.