Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej


Fil-25 ta’ Marzu l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej.

Disa’ xhur mil-lum ikun il-Milied. F’dan il-jum, il-Knisja tfakkarna meta l-Mulej Alla permezz tal-Arkanġlu Gabrijel stieden lill-Madonna biex issir Omm il-Messija, u hi aċċettat. F’dak il-mument, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tnissel fiha Ġesù. Għalhekk nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi; it-tħabbira tal-maternità tal-Madonna, u l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

Din il-ġrajja nsibuha rrakkontata tajjeb ferm fil-Vanġelu: “Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel, jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dawl tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha”. (Luqa 1:26-38).

Ir-rakkont kif jagħtihulna l-Evanġelista kien suġġett ta’ ħafna studju mit-teoloġi mhux biss għar-rigward ta’ Kristu, imma wkoll għar-rigward ta’ Marija li Alla għażilha biex tkun omm ibnu magħmul bniedem.

Il-festa tat-tħabbira tal-Mulej bdiet issir f’Kostantinopli għall-ħabta tas-sena 430, u sas-seklu VIII saret universali wkoll fil-Punent. Fir-riforma tal-Liturġija li seħħet wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa, li qabel kienet festa Marjana u konna nsejħulha, it-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, jew ukoll bħala l-Lunzjata, ġiet imsejħa t-Tħabbira tal-Mulej u għalhekk hija festa ta’ Kristu.

F’Malta, il-parroċċi ta’ Ħal Tarxien u dik ta’ Ħal Balzan huma ddedikati lil-Lunzjata, kif ukoll il-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu.

Tajjeb infakkru li l-Madonna għażlet din il-festa għażiża biex f’Lourdes tgħarraf lil Santa Bernardina Soubirous min kienet. Difatti kien bħal-lum 25 ta’ Marzu 1858, meta l-Madonna, għall-mistoqsija ta’ Bernardina min kienet u li kienet għamlitilha diversi drabi qabel, għalqet idejha palma ma’ palma u qaltilha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata”. Id-domma dwar it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienet ġiet promulgata solennement mill-Papa B. Piju IX, ftit aktar minn tliet snin qabel.

Nota: Meta l-25 ta’ Marzu taħbat f’xi Ħadd tar-Randan, allura ssir l-għada t-Tnejn, u jekk taħbat fil-Ġimgħa Mqaddsa, allura ssir it-Tnejn fuq l-Ottava tal-Għid.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.