Mal-prekawzjonijiet li diġà daħħlu fis-seħħ!


Bħalissa l-aħbarijiet huma, tista’ tgħid, iddominati mill-coronavirus. Pajjiż wara pajjiż il-miżuri tas-sigurtà diġà ġew impoġġija fis-seħħ. U tifimha ħbieb! Is-saħħa tal-poplu tibqa’ l-ewwel prijorità, kif qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela.

Anki f’pajjiżna dan qed iseħħ. U qed iseħħ bl-aktar mod serju u rigoruż. Kif jitolbu ċirkustanzi bħal dawn u anki l-imħabba u r-rispett lejn iċ-ċittadini. Kemm l-istat u kif ukoll il-Knisja qiegħdin jikkollaboraw u jaħdmu flimkien bis-sħiħ l-għaliex it-tnejn li huma jemmnu li fejn tidħol is-saħħa taċ-ċittadini ma jidħol ħadd u xejn. Barra minhekk, il-Bibbja stess għandha kwotazzjonijiet mill-isbaħ li proprju jitħaddtu dwar is-saħħa tal-ġisem tal-bniedem.

Nibdew mit-Tielet Ittra ta’ San Ġwann Appostlu li titħaddet fuq dan. Interessanti li meta l-awtur qed jindirizza lil Gaju l-presbiteru, li hu kien iħobb minn qalbu, tant li jistqarrlu, li jiena nħobb fis-sewwa (3 Ġw 1:1), mill-ewwel jurieh kemm kien tabilħaqq iħobbu billi jiktiblu hekk: nitlob lil Alla li kollox imurlek tajjeb u li tkun f’saħħtek, l-istess bħalma inti sejjer tajjeb f’ruħek (3 Ġw 1:2). Dan jurina li s-saħħa vera qiegħdha mhux biss meta r-ruħ tkun b’saħħitha imma wkoll meta l-ġisem ikun qed jaħdem kif ħalqu l-Mulej, jiġifieri tajjeb u b’saħħtu.

Is-saħħa tagħna l-bnedmin tant kemm hi għall-qalb il-Mulej Alla tagħna, li, fuq kollox, hu Missierna l-għażiż, li fil-ktieb tal-Profeta Ġeremija nsibu miktub hekk: Arawni, jien se nagħlqilhom il-ġerħa; ndewwihom u nfejjaqhom, u nurihom il-kotra tas-sliem sħiħ għal dejjem (Ġer 33:6). Xi ġmiel hux! Il-Mulej, Missierna, moħħu biex jagħlqilna l-ġerħa, idewwina u jfejjaqna! U hekk jurina kemm tassew li Hu, bħala Alla Missierna, jridilna s-sliem sħiħ! Għax li nkunu b’saħħitna, anki f’ġisimna, aħna tabilħaqq jista’ ikollna s-sliem sħiħ, fil-ġisem, fir-ruħ u anki fil-moħħ tagħna. U mela l-moħħ, meta jkun mistrieħ minn ħafna tehwdin u biża’ li żgur ma jagħmlulux ġid, bħalma ma jagħmlux ġid la lill-ġisem u lanqas lir-ruħ, ma jkunx jista’ jaħdem sewwa?

Il-Kelma t’Alla, sewwasew fil-ktieb tal-Proverbji, tgħid mingħajr tlaqliq: Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem (Prov 16:24). U x’hemm oħla u tal-akbar saħħa għal ġismek u ġismi mill-kliem ħelu u qawwi ta’ Salm 91? Kliem dan is-Salm tant kemm hu qawwi li bih il-Mulej jħarisna minn kull mard! Iva! Iħarisna anki mill-coronavirus! Hawn hu s-Salm 91 għalik biex titolbu bħala l-ewwel talba, hekk kif tiftaħ għajnejk, filgħodu, għodu għodu, filwaqt li tpoġġi idek fuq qalbek, u titlob b’fidi:

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.” Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn,
għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek.

Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.
La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Ħbieb, ejjew inħarsu saħħitna u saħħet l-għeżież tagħna u anki nkunu ta’ spalla għall-awtoritajiet fil-ġlieda bla waqfien tagħhom biex iħarsulna saħħitna, aħna, il-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex, billi nitolbu Salm 91 KULJUM, l-ewwel ħaġa malli nqumu! B’hekk, dan is-Salm 91 ikun arma mill-aktar qawwija mal-prekawzjonijiet li diġà iddaħħlu fis-seħħ f’pajjiżna ħa nissuktaw ngħixu b’saħħitna f’ġisimna, f’moħħna, u, fuq kollox, f’ruħna!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.