F’dan iż-żmien tar-Randan insibu ftit ħin u naħsbu fuq din is-silta dwar is-SINJAL TAS-SALIB, mill-ktieb THE SPIRIT OF THE LITURGY, tal-Papa Emeritu Benedittu XVI.
IS-SINJAL TAS-SALIB
L-aktar ġest bażiku fit-talb nisrani hu, u dejjem ser jibqa’, is-sinjal tas-Salib. Hu mod kif wieħed jistqarr lil Kristu imsallab, kif jikteb San Pawl: “Aħna nxandru Kristu msallab, tfixkil għal-Lhud u bluha għall-pagani, imma għal dawk li huma msejħin, Lhud u Griegi, Kristu, qawwa u għerf t’Alla.” (1 Kor 1: 23f) U wkoll: “Għax ma ridt naf xejn fostkom ħlief Ġesù Kristu u Ġesù Kristu msallab.” (2:2) Li wieħed jissiġilla ruħu bis-sinjal tas-Salib hi bħal ‘iva’ viżibbli u pubblika lil dak li bata għalina, lil dak li f’ġismu għamel tidher l-imħabba t’Alla, imħabba li ma kellhiex fejn tasal aktar; lil dak Alla li jsaltan mhux bil-qerda imma bl-umiltà tat-tbatija u l-imħabba, li hija aktar qawwija mis-setgħa kollha tad-dinja u aktar għarfa mill-intelliġenza kollha kalkoli tal-bnedmin.
Is-sinjal tas-Salib hu stqarrija ta’ fidi: Nemmen f’dak li bata għalija u qam mill-mewt; f’dak li bidel is-sinjal tal-mistħija f’sinjal ta’ tama u tal-imħabba t’Alla li tinsab magħna. L-istqarrrija tal-fidi hi stqarrija ta’ tama: Nemmen f’dak li fid-dgħufija tiegħu hu s-Setgħani; f’dak li jista’ u li se jsalvani, imqar meta jidher qisu mhux hemm u bla ebda qawwa. Meta rroddu s-Salib, inkunu nqiegħdu lilna nfusna taħt il-ħarsien tas-Salib; inżommuh quddiemna bħal tarka li tħarisna fit-twegħir kollu tal-ħajja ta’ kuljum u tagħtina l-kuraġġ biex nibqgħu mexjin. Naċċettawh bħala sinjal li jurina t-triq li rridu nsegwu: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” (Mk 8:34). Is-Salib jurina t-triq tal-ħajja, l-imitazzjoni ta’ Kristu.
Aħna norbtu s-sinjal tas-Salib mal-istqarrija tal-fidi f’Alla fi Tliet Persuni – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. B’dan il-mod is-Salib isir tifkira tal-Magħmudija, ħaġa li tidher ċara b’mod partikulari meta miegħu nużaw l-ilma mbierek. Is-Salib hu sinjal tal-Passjoni, imma fl-istess ħin hu sinjal tal-Qawmien. Biex ngħidu hekk, hu l-bastun li Alla jnewlilna biex isalvana, il-pont li bih nistgħu ngħaddu minn fuq l-abbiss tal-mewt u tat-theddid kollu tal-Ħażin u naslu għand Alla. Hu preżenti fil-Magħmudija li fiha aħna nsiru kontemporanji mas-Salib u mal-Qawmien ta’ Kristu (cf. Rum 6:1-14). Kull meta rroddu s-Salib, aħna nerġgħu naċċettaw il-Magħmudija tagħna; mis-Salib, Kristu, biex ngħidu hekk, iressaqna lejh (cf. Ġw 12:32) u b’hekk idaħħalna f’komunjoni m’Alla l-ħaj. Għax il-Magħmudija u s-sinjal tas-Salib, li hu bħal ġabra u l-aċċettazzjoni mill-ġdid tal-Magħmudija, huma fuq kollox ġrajja divina: l-Ispirtu s-Santu jmexxina lejn Kristu, u Kristu jiftaħ il-bieb għal għand il-Missier. Alla m’għadux aktar l-‘alla mhux magħruf’; għandu isem. Aħna nistgħu nsejħulu u Hu jsejħilna.
Għalhekk nistgħu ngħidu li fis-sinjal tas-Salib u l-invokazzjoni tat-Trinità hemm miġbura l-essenza kollha tal-kristjaneżmu; huwa (is-Salib) jurina biċ-ċar x’inhu dak li hu tassew nisrani. Madankollu, jew aħjar għal din ir-raġuni, huwa jiftħilna wkoll it-triq biex nidħlu fl-istorja aktar wiesgħa tar-reliġjon u l-messaġġ divin tal-ħolqien.
L-ittra lill-Efesin tħeġġiġna nxenxlu għeruqna u nfasslu l-pedament ta’ ħajjitna fl-imħabba, biex “tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, il-wisa’ u t-tul, il-għoli u l-fond ta’ l-imħabba ta’ Kristu u tagħrfu kemm din l-imħabba tgħaddi lil kull għerf.” (3:18-19) Ftit jista’ jkun hemm dubju li din l-ittra, ħierġa mill-iskola ta’ San Pawl, qiegħda tirreferi għas-Salib kosmiku u b’hekk tingħaqad ma’ tradizzjonijiet oħra dwar is-siġra dinjija f’għamla ta’ salib li torbot kollox flimkien – idea reliġjuża li kienet ukoll magħrufa sewwa fl-Indja. Santu Wistin għandu interpretazzjoni sabiħa ta’ din is-silta importanti ta’ San Pawl. Huwa jaraha tirrappreżenta d-dimensjonijiet tal-ħajja tal-bniedem u tirreferi għall-forma ta’ Kristu msallab, li dirgħajh iħaddnu d-dinja u li l-mogħdija tiegħu tilħaq ‘l isfel f’qiegħ l-abissi ta’ l-art u ’l fuq fil-għoli sa ħdejn Alla nnifsu. Fid-diskors eskatoloġiku tiegħu, Ġesù kien ħabbar li fi tmiem iż-żmien għad jidher fis-sema “s-sinjal ta’ Bin il-bniedem” (Mt 24:30). Fl-istess ħin l-Insara b’hekk għarfu li l-mogħdijiet ta’ l-istorja reliġjuża jieħdu lejn Kristu.
“Inti tkun barka,” kien qal Alla lill-Abraham fil-bidu ta’ l-istorja tas-salvazzjoni (Ġen 12:2). Fi Kristu, dawn il-kelmiet seħħu fil-milja tagħhom. Huwa barka, barka għall-ħolqien kollu kif ukoll għall-bnedmin kollha. Għalhekk is-Salib, li hu s-sinjal tiegħu fis-sema u fl-art, kien destinat biex ikun il-ġest karatteristiku ta’ barka għall-insara. Nagħmlu s-sinjal tas-Salib fuqna nfusna, u hekk nidħlu fil-qawwa tal-barka ta’ Ġesù. Nagħmlu s-sinjal tas-Salib fuq dawk li lilhom nixtiequ li nagħtu l-barka tagħna, u nagħmluh ukoll fuq oġġetti li jagħmlu parti minn ħajjitna u li aħna rridu bħallikieku nirċevuhom mill-ġdid minn idejn Ġesù Kristu. Permezz tas-Salib aħna nistgħu nkunu għajn ta’ barka għal xulxin.
Il-Papa Benedittu jagħlaq hekk ir-riflessjoni tiegħu dwar is-Sinjal tas-Salib: Ma ninsa qatt id-devozzjoni u l-kura mill-qalb li bihom ommi u missieri kienu jagħmlu s-sinjal tas-Salib fuq il-moħħ, il-fomm u s-sider tagħna t-tfal kull meta konna noħorġu mid-dar, speċjalment meta konna nkunu ser indumu. Il-barka tagħhom kienet bħal ħabib li aħna konna nafu li ser jiggwidana fit-triq tagħna. Kienet tagħmel viżibbli t-talba tal-ġenituri tagħna li kienet takkumpanjana, u tiżgurana li din it-talba kienet megħjuna bil-barka tas-Salvatur. Il-barka kienet ukoll sfida għalina li ma noħorġux ’il barra mill-isfera tal-barka. Il-barka hi sinjal saċerdotali u għalhekk fis-sinjal tas-Salib konna nħossu s-saċerdozju tal-ġenituri tagħna, id-dinjità speċjali u l-qawwa tiegħu. Nemmen li din il-barka, li hi espressjoni perfetta tas-saċerdozju komuni ta’ l-imgħammdin, għandha terġa’ tidħol fostna b’mod iktar qawwi fil-ħajja ta’ kuljum u tippenetraha bil-qawwa ta’ l-imħabba li ġejja minn Alla.
Kitba ta’ Joe Galea