Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Amedew tas-Savoja


Fit-30 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Beatu Amedew tas-Savoja, Re u Raġel Miżżewweġ li għex bejn is-snin 1435 sa 1472.

Amedew IX twieled f’Thonon (Franza) fl-1 ta’ Frar, 1435; nannuh kien Amedew VIII li kien elett antipapa fl-1438, imma li abdika b’mod virtuż ftit snin wara. Kien jibda l-ġurnata b’meditazzjoni personali u bis-smigħ tal-quddies. Kien jersaq għas-sagramenti ħafna aktar spiss milli kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Minn twelidu għarrsuh lil Jolanda, oħt ir-re Lwiġi XI re ta’ Franza, li żżewwiġha fl-1451 meta kellu 17-il sena u minnha kellu seba’ ulied. Martu, bħalu, kienet mara reliġjuża ħafna, u għenitu anki fit-tmexxija ta’ pajjiżu.

Ta’ 30 sena (fl-1465) hu laħaq minflok missieru, Lwiġi I, fuq it-tron tal-Pjemonte u s-Savoja; imma, matul is-seba’ snin tas-saltna tiegħu, billi kien marid b’epilepsija, hu qasam it-tmexxija mad-dukessa martu. L-għaqda tagħhom kienet bla miksura, u huma ma kienu jaħsbu f’xejn ħlief il-ġid temporali u spiritwali tas-suditti tagħhom.

Għalkemm il-mod ta’ ħajja li għex kienet waħda li taqbel mal-grad tiegħu, u hu nnifsu kien lest li jmut f’kull mument, Amedew ma xtaq qatt li s-sudditi tiegħu jxerrdu demmhom għalxejn.

Kien aħrax biss mal-libertini, ma’ dawk li jaħqru lin-nies (‘extortioners’), u midgħajja. Fuq l-eżempju tiegħu d-duka ta’ Milan Francesco Sforza kien jimmulta lil dawk fost il-kortiġġjani tiegħu li jinstemgħu jidgħu, u bis-somma li ġabar min għandhom bena kappella li hu wkoll żejjen ħafna. Meta l-istess prinċep ra t-tjieba kbira u l-imħabba li Amedew kien juri lill-fqar, qal fuqu: “Fil-pajjiżi tiegħek wieħed jistħajlu jinsab n-naħa l-oħra tad-dinja! Kullimkien tista’ tgħid li aħjar tkun għani milli fqir, imma miegħek huma l-fqar li huma mweġġħin u l-għonja li huma mmaqdrin.”

Id-duka kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Lil dawk li ppruvaw jipperswaduh ma jsumx daqshekk, hu kien iweġibhom li ebda ħaġa ma kienet daqstant tajba għal saħħtu. L-aħħar snin ta’ ħajtu l-marda kabritu ħafna. Martu u ħbiebu kienu jitnikktu ħafna jarawh hekk batut. “Għalfejn tinkwetaw?” qalilhom meta ġie f’tiegħu, “bl-umiljazzjonijiet niksbu s-saltna ta’ Alla’. L-aħħar kliem tiegħu lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru kienu: “Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.”

Il-Beatu Amedew miet f’Vercelli (fil-Pjemonte) nhar it-Tnejn tal-Għid, 30 ta’ Marzu, 1472, ftit ġimgħat wara li għalaq it-38 sena. Kien ibbeatifikat fl-1677, bit-tħabrik ta’ San Franġisk de Sales u l-Kardinal Bona. Ħajtu nkitbet mill-kardinal ġiżwita San Robertu Bellarmino.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.