L-Għid il-Kbir

Print Friendly, PDF & Email

L-Għid il-Kbir huwa l-akbar festa liturġika tal-Knisja. Fih niċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-kelma Għid

Il-kelma għid fil-Lingwa Maltija tfisser festa. Infatti fil-Malti l-kelma għid tingħaqad mal-isem tal-festa li trid tiddeskrivi. Insibu li l-Epifanija kienet imsejħa Għid il-Ħamiem. Insibu wkoll Għid il-Ħamsin u l-Għid tal-Imwiet jiġifieri t-tieni ta’ Novembru. Għall-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, ngħidu l-Għid il-Kbir. Jissejjaħ hekk għax din hija l-aqwa festa tal-Knisja.

Il-kelma Ingliża Easter mhijiex ħlief l-isem ta’ festa pagana li kien isir fi żmien il-Għid. Madankollu rridu niftakru li l-kelma Lhudija għall-Għid hija Pesah. Din tfisser xi ħadd li jaqbeż jew jgħaddi, jew skont studjużi oħra xi ħadd li jipproteġi. Minn hawn ġej il-fatt ta’ meta Alla għadda minn fejn id-djar li kellhom il-koxox tal-bibien imċappsa bid-demm tal-ħaruf u ma daħalx hemm u ħarishom. Ta’ min jinnota li din il-kelma ġiet translitterata jiġifieri maqluba ittra b’ittra għall-Grieg u l-Latin. Il-kelma Taljana Pasqua hija frott ta’ dan il-proċess. Bl-Ingliż imbagħad ittraduċewha tajjeb ħafna: passover.

Kristu huwa l-ħaruf tal-Għid

magdaleneIl-festa tal-Għid bdiet fost il-popli nomadi qabel ma Mosè ħareġ il-poplu Lhudi mill-Eġittu. Hawnhekk fuq il-kmand ta’ Alla saret festa reliġuża li tfakkar dan il-ħruġ mill-jasar. Fi żmien Kristu din il-festa kienet għadha ssir. Skont l-Evanġelji Sinottiċi jiġifieri Mattew, Mark u Luqa  l-aħħar ikla ta’ Ġesù kienet dik tal-Għid. Min-naħa l-oħra Ġwanni jpoġġi l-mewt ta’ Kristu waqt il-qtil tal-ħrief li kien qiegħed isir fit-tempju.

Fil-Għid tat-Testment il-Qadim kien jinqatel il-ħaruf u jittiekel waqt ikla mill-familja kollha. It-Testment il-Ġdid ġie siġillat bid-demm ta’ Kristu li huwa l-ħaruf tal-Għid. It-tixbiha bejn Kristu u l-ħaruf hija biblika għall-aħħar. San Pawl jeżorta lill-insara  ta’ Korintu: “Għax il-Għid tagħna huwa Kristu, hu maqtul” (1Kor 5, 7). Ġwanni meta jiġi biex jikkummenta fuq il-fatt li Kristu ma kissrulux saqajh jgħid: “Għax dan ġara biex iseħħ il-kitba, ma jkissrulu l-ebda għadma” (Ġw 19, 36). Hawnhekk huwa jirreferi għall-mod kif kien jinqatel il-ħaruf tal-Għid.

Qabel ma mar għall-passjoni Kristu waqqaf l-Ewkaristija

Kristu qabel ma mar għall-passjoni għamel l-ikla tal-Għid mad-dixxippli. Fl-aħħar ikla li fiha ried jurina l-imħabba bla tarf tiegħu waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija. Dan għamlu billi bierek il-ħobż u l-inbid filwaqt li kkonsagrahom u ordna lill-appostli biex ikomplu jiċċelebraw din l-ikla. Fl-Ewkaristija huwa jingħata għalina. Għalhekk ikun xieraq li nġibu quddiem għajnejna li t-twaqqif tagħha kien antiċipazzjoni ta’ dak li kellu jiġri fuq il-Kalvarju, fejn Kristu ngħata għalina fuq is-salib.

Il-mewt ta’ Kristu kienet reali. Indifen u l-qabar ġie siġillat u tpoġġiet il-għassa. Iżda ħadd ma rah iqum. Is-sejba tal-qabar vojt kien l-ewwel pass għad-dixxipli biex jagħrfu li Kristu qam verament minn bejn l-imwiet: “għax kienu għadhom ma fehmux il-Kitba li kellu jqum mill-imwiet” (Ġw 20, 9). Il-Knisja fl-Exultet nhar Sibt il-Għid tkanta: “Ħieni tassew dan il-lejl li huwa waħdu jaf is-siegħa u l-waqt tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet”.

Kristu qam mill-mewt

Għalkemm l-Evanġelji ma jsemmulniex li Kristu deher lill-Verġni Marija, madankollu bosta għorrief jżommu din l-opinjoni. Infatti Sant’Injazju ta’ Loyola fl-Eżerċizzi Spiritwali jsemmi din id-dehra. Fuq kollox kien jixraq li dik li bl-“Iva” tagħha tnissel Ġesù u assistietu fuq il-Kalvarju taħt is-salib, tarah imqajjem u rebbieħ.

Sidna Ġesù Kristu ma reġax għall-ħajja ta’ qabel kif ġara lil bint Ġajru, lil bin l-armla ta’ Najm u lil Lazzru. Dawn reġgħu għall-ħajja ordinarja ta’ qabel. Il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu kien differenti. Permezz tal-qawmien mill-mewt huwa għadda minn stat ta’ mewt għal stat ta’ ħajja ‘l hemm mill-ispazju u ż-żmien. Id-dixxipli setgħu jmissuh, kiel magħhom, stedinhom biex jaraw kienx xi spirtu kif ukoll biex jaraw il-marki tal-passjoni. Il-ġisem tiegħu kien glorjuż. Dan ma jfissirx li huwa xi fantażma iżda wieħed reali u veru. Għalhekk mhux suġġett għall-ispazju u għaż-żmien, u seta’ jidher kif inhu, fejn u kif irid. Ta’ min jinnota li Ġesù Kristu kien għad baqgħalu l-pjaġi, li tagħhom San Ġorġ Preca kien devot kbir tagħhom.

Tagħlim mill-festa tal-Għid

L-ewwel messaġġ tal-appostli kien li Ġesù qam rebbieħ fuq il-mewt. F’din il-festa għandna tassew għax nifirħu. L-Imgħallem tana għadda minn rajh mit-triq tas-salib iżda bil-qawwa tiegħu nnifsu qam minn bejn l-imwiet. Din hija garanzija li jekk nimxu warajh xi darba sejrin inqumu b’ġisem glorjuż. Kif jgħid San Pawl, kieku Kristu ma qamx il-fidi tagħna hija fiergħa. Għalhekk min jaħseb li l-Kristjaneżmu huwa reliġjon ta’ ċaħda, u projbizzjonijiet li jxekklu l-libertà tal-bniedem qiegħed jiżbalja. Ir-reliġjon ta’ Kristu hija ta’ ferħ u paċi għax twiegħed il-qawmien mill-imwiet.

Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid li meta nagħmlu xi sagrifiċċju inkunu niċħdu lilna nfusna u nissieħbu fil-misteru tal-Għid. Jiġifieri dan is-sagrifiċċju jkun jgħaqqadna ma’ Kristu u nirbħu l-paċi tal-qalb. Kien iħobb jgħid li f’din id-dinja rridu nbatu. Iżda jekk inbatu ma’ Kristu ser noħorġu rebbieħa.

It-tbatija hija parti mill-esperjenza tal-bniedem. Sidna Ġesù għadda wkoll minn din l-esperjenza. Allura meta nkunu għaddejja minn xi tbatija ningħaqdu aktar ma’ Kristu. Meta wieħed jaqra d-djarju ta’ Santa Fawstina Kowalska jinduna kemm għaddiet minn tbatija iżda fl-istess ħin kienet tħobb lil Kristu bi mħabba liema tal-għaġeb.

Illum fis-soċjetà li fiha qegħdin ngħixu qiegħed jikber il-faqar spiritwali. Jirraġunaw li l-importanti huwa kemm ser noqgħod sewwa u ngawdi f’din id-dinja. Dan huwa vojt spiritwali li jimtela biss bil-messaġġ ta’ Kristu rxuxtat. F’din id-dinja ngħaddu mit-tbatija iżda wara hemm il-glorja.

 Kitba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: