Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Tekakwita


Fis-17 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Katerina Tekakwita, Verġni li għexet bejn is-snin 1656 sa 1680.

Twieldet fl-Amerika ta’ Fuq fl-1656, ħdejn l-għadajjar Erie u Ontario u x-xmara St. Lawrence, qrib fejn illum hemm il-fruntiera tal-Kanada mal-Istati Uniti tal-Amerika. Ir-razza tagħha, imsejħa Iroquois, kienet selvaġġa u feroċi. Kienu difatti n-nies tar-razza tagħha li qatlu t-tmien qaddisin martri Ġiżwiti Franċiżi, San Iżakk Jogues u sħabu. Anzi xi wħud minnhom kienu saħansitra kannibali, jiġifieri kienu jieklu l-laħam tal-bnedmin.

Kellha 20 sena meta ġiet mgħammda mill-patri Ġiżwita Jacques de Lamberville, nhar l-Għid il-Kbir, fit-18 ta’ April 1676, bl-isem ta’ Katerina. Il-laqam tagħha “Tekakwita” jfisser “timxi bil-mod,” għax wara li mardet baqgħet dejjem ma tistax timxi tħaffef.

Malli saret nisranija, din bint is-slavaġ, anki qalb dawk il-pagani feroċi ta’ pajjiżha, bdiet tgħix ħajja ta’ talb u ta’ penitenza, tant li bdiet issofri l-persekuzzjoni u l-insulti ta’ dawn is-slavaġ. Allura l-istess patri Lamberville, ħadha tgħix f’post ieħor, jismu Sault St. Louis, fejn kien hemm xi qraba tagħha.

Għamlet l-Ewwel Tqarbina nhar il-Milied tal-1677, u fuq parir tal-konfessur, għad li kien hemm bosta li xtaqu jiżżewġuha, għamlet ukoll il-vot tal-verġinità.

Mietet fl-età żgħira ta’ 24 sena, fis-17 ta’ April, 1680. Kienet ilha biss 4 snin nisranija. Anke l-pagani jitolbu fuq il-qabar tagħha u jagħtuha qima. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha beata fit-22 ta’ Ġunju tas-sena 1980. Il-Papa Benedittu XVI ikkanonizzaha fil-21 t’Ottubru 2012, fil-Vatikan.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.