Eżempji ħajjin ta’ Kristu f’Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

Illum qed niċċelebraw Ħamis ix-Xirka. Il-jum fejn Ġesù waqqaf is-sagramenti għeżież tal-Ewkaristija u s-saċerdozju.

Għalhekk irrid nagħti tislima minn qalbi lil tletin saċerdot li ħallew ħajjithom waqt il-ġlieda lill-coronavirus fl-Italja. Xtaqt insemmihom l-għaliex ġieli nisimgħu dak li nisimgħu fuq saċerdoti, patrijiet u sorijiet. Għalhekk issa wasal il-waqt li l-miżien ixaqleb naqra lejn in-nofs. Mhux bi ftaħir iżda b’ammirazzjoni sinċiera! Kif jistħoqqilhom! U, waqt li qed insemmiehom, f’moħħi għandi għaddejja is-soundtrack ta’ Gladiator, “Elysium,” “Honor Him,” “Now We Are Free.” Bil-link tagħha hu: https://www.youtube.com/watch?v=xbHPTPUpQ1I

Insellimlek, Don Fausto Resmini, li ta’ 67 sena, bqajt tieħu ħsieb il-Comunità don Milani ta’ Sorisole, għall-minuri. Imħabbtek lejn il-ħabsin u għal dawk mingħajr saqaf fuq rashom fl-istazzjon f’Bergamo jibqgħu mfakkra! Insellimlek, Mons. Tarcisio Ferrari, li kont il-ferħ tas-saċerdoti novelli u l-għajnuna ta’ tant fqar u nies fil-bżonn! Insellimlek, Don Mariano Carrara, li għalkemm marid xorta waħda bqajt taqdi bi mħabba fil-komunità ta’ Urgnano! Insellimlek, Mons. Achille Bellotti, li ħdimt ħafna mal-emigranti ta’ pajjiżek fil-Belġju u tajt ħajtek għalihom! Il-virtujiet tiegħek tad-determinazzjoni, li kont saqajk mal-art u s-sliem ġewwieni tiegħek ma jintesew qatt!

Insellimlek, Don Tarcisio Casali, li, minkejja l-età avvanzata tiegħek, xorta waħda bqajt tiċċelebra l-quddiesa sal-aħħar! Anki meta kont marid bil-coronavirus! B’dak li wettaqt kont tabilħaqq dawl jiddi! Insellimlek Don Silvano Sirtoli, li ħajtek kienet vanġelu mgħix u li ħalliet is-sinjal tagħha kulfejn ersaqt! Insellimlek, Don Giancarlo Nava, li qattajt ħafna snin mis-saċerdozju tiegħek fil-Paragwaj. Kemm ħdimt għall-formazzjoni tar-raħħala anki jekk kellek imdendel fuq rasek theddid tal-biża l-għaliex ikkundannajt il-korruzzjoni, it-traffikar tad-droga u tal-armi! Insellimlek, Don Giuseppe Berardelli, il-magħruf arċipriet ta’ Casnigo! Ħajtek intemmet kif ingħexet: Paci u ġid! Int dak il-famuż qassis li meta l-parruċċani xtrawlek respiratur int tajtu lil xi ħadd aktar żgħażugħ minnek! L-eżempju qaddis tiegħek faqa’ internet sħiħ!

Insellimlek, Padre Giosuè Torquati, li kont imlaqqam il-mago allegria. Kemm ferraħt nies fl-oratorji, fil-parroċċi, fl-iskejjel u fid-djar ta’ mistrieħ! Insellimlek, Don Umberto Tombini! Kemm ħdimt fil-komunità ta’ Zogno! Imħabbtek għall-poplu ta’ Alla toħroġ f’dan kliemek: “Ngħid grazzi lill-Mulej li għeni nsir naf lilkom li tajtuni tant imħabba!” Insellimlek, Don Gaetano Burini, u nfakkrek għal dawk l-omeliji djalogati maż-żgħażagħ f’Urgano! Insellimlek, Don Remo Luiselli, li tant kemm ħdimt li 43 żgħażugħ qabdu t-triq għall-fejqan mid-droga, u ħallast il-prezz għax ġejt imsawwat fl-1993! Insellimlek, Don Pietro Paganessi, li tant ħdimt fl-assoċjazzjoni Operatori di Pace li waqqaft fl-India biex tgħin lill-fqar fl-istat ta’ Andra Pradesh!

Insellimlek, Don Enzo Zoppetti, li, f’età tant avvanzata, bqajt taħdem f’tant parroċċi! Insellimlek, Mons. Francesco Perico, li tajt ħajtek għaż-żgħażagħ! Kemm ġid għamiltilhom fuq is-social network! Insellimlek, Don Adriano Locatelli, li, meta bdew ir-restrizzjonijiet minħabba l-coronavirus, int qaddist fuq Facebook għall-komunità tiegħek! Insellimlek, Don Guglielmo Micheli, li kont id-direttur ta’ Casa Studente f’Bergamo u assistent ekkleżjastiku tal-Associazione S. Guido f’Anderlecht!

Insellimlek, Don Giorgio Bocchi, kappillan ta’ Coltaro, u lilek, Don Pietro Montali, li, it-tnejn li intom, ta’ 89 sena, bqajtu taħdmu sal-aħħar! Insellimlek, Don Andrea Avanzini, li ħallejt ħajtek għall-poplu ta’ Alla ta’ 55 sena biss! Insellmilkom, Don Fermo Fanfoni, kappillan ta’ Mezzano Inferiore, u Don Giuseppe Fadani, kappillan ta’ Carignano! U insellimlek, Don Franco Minardi, kappillan ta’ Ozzano Taro u direttur tal-Caritas Djoċeżana!

Insellimlek, Don Albino Aglio, li kont qassis tal-Oratorju. Insellimlek, Mons. Vincenzo Rini, qassis u ġurnalista! Għal ħafna snin mexxejt il-gazzetta ta’ kull ġimgħa La Vita Cattolica. U, kont anki president tal-Agenzia Stampa Sir u tal-Federazione italiana settimanali cattolici (Fisc). Insellimlek, Mons. Giuseppe Aresi u lilek Mons. Mario Cavalleri, is-saċerdot l-aktar xiħ tad-djoċeżi ta’ Cremona u li ħallejtna fl-età ta’ 104!

Insellimlek, Don Marco Barbetta, ta’ 82 sena, li kont kappillan fl-isptar u direttur spiritwali ta’ ħafna żgħażagħ. Insellimlek, Don Luigi Giussani, ta’ 70 sena, kappillan tal-parroċċa famuża f’Milan ta’ San Protaso! Insellimlek, Don Ezio Bisiello, li kont kappillan għal ħafna snin fil-parroċċa ta’ Ronco Briantino! Insellimlek, Don Alessandro Brignone, li ħallejtna fl-età ta’ 45 sena. Kemm iċċelebrajt funerali! U lilek lanqas funeral m’għamlulek! Nakkumpanjawk b’talbna! Fl-aħħar nett, insellem lilkom, għeżież Patrijiet kapuċċini, Patri Giampiero Vignandel OFM Cap ta’ 46 sena, li fi Trento ħadt ħsieb il-fqar, u int, Patri Gabriel Carillo OFM Cap, li wara ħidma f’pajjiżek, fl-Ekwador, kellek tmur fi ħdan il-Missier f’Madrid waqt li kont qed issegwi kors fil-Franġiskaniżmu!

Insellmilkom saċerdoti tal-Mulej! Insellmilkom saċerdoti li kellkom fuqkom ir-riħa tan-nagħaġ! Insellmilkom saċerdoti li ħabbejtu lill-poplu tal-Mulej sal-aħħar! Insellmilkom li ħsibtu f’elf mod kif tistgħu tkunu viċin il-poplu ta’ Alla biex qatt ma tħalluh iħossu abbandunat! Insellmilkom li farraġtu l-poplu ta’ Alla bil-Kelma tiegħU anki meta dan swielkom ħajjitkom!

Itolbu għalija u għalina ilkoll, l-aktar għalina s-saċerdoti u l-patrijiet! Insellmilkom minn qiegħ qalbi! Intom, eżempji daqshekk ħajjin ta’ Kristu li ħallejtu ħajjitkom għaliH!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply