Il-Ħadd, 26 ta’ April 2020: Waqt il-quddiesa tal-lum nitolbu għall-persuni kollha ta’ qalbhom sewda, għax waħedhom, jew għax ma jafux x’hemm jistenniehom fil-futur, inkella għax ma jistgħux imexxu lill-familja minħabba nuqqas ta’ flus minħabba li huma bla xogħol. Tant nies li għaddejjin minn żmien ta’ swied il-qalb: illum nitolbu għalihom.
Omelija – Ġesù s-sieħeb tagħna fil-pellegrinaġġ
Ħafna drabi smajna li l-kristjaneżmu mhuwiex biss duttrina, mhux imġiba partikolari, mhuwiex kultura. Iva hu dan kollu, imma aktar importanti u qabel kollox, huwa laqgħa. Persuna hi nisranija għax iltaqgħet ma’ Ġesù Kristu, ħallietu jiltaqa’ magħha.
Dal-pass tal-Evanġelju ta’ Luqa jirrakkuntalna laqgħa, il-mod biex nifhmu sewwa kif jaħdem il-Mulej, kif inhu l-mod li bih naġixxu aħna. Aħna twelidna biż-żerriegħa tal-ansjetà. Alla hekk ried: ansjetà biex insibu l-milja, ansjetà biex insibu lil Alla, bosta drabi bla ma lanqas nindunaw li għandna din l-ansjetà. Qalbna hi anzjuża, qalbna għatxana: għatxana għal-laqgħa ma’ Alla. Tfittxu, ħafna drabi minn toroq żbaljati; tintilef, terġa’ lura, tkompli tfittex… Min-naħa l-oħra Alla għatxan, Alla għatxan għal-laqgħa, tant li bagħat lil Ġesù biex jiltaqa’ magħna, biex jersaq lejn din l-ansjetà tagħna.
Kif iġib ruħu Ġesù? F’dal-pass tal-Evanġelju (cfr. Lq. 24, 13-35) naraw ċar li hu jirrispetta; jirrispetta s-sitwazzjoni proprja tagħna, ma jibqax għaddej. Iġib ruħu hekk biss, xi minn daqqiet, ma’ min hu rasu iebsa. Niftakru f’Pawlu – hux? -meta jwaqqgħu minn fuq iż-żiemel. Imma soltu Hu jimxi b’pass bil-mod biex jirrispetta r-ritmi tagħna. Kemm għandu paċenzja l-Mulej ma’ kull wieħed u waħda minna!
Il-Mulej jimxi ħdejna. Kif rajna hawnhekk, ma’ dawn iż-żewġ dixxipli, jagħti widen għall-ansjetajiet tagħhom – jafhom! U f’ħin minnhom jgħidilna xi ħaġa. Il-Mulej iħobb jisma’ kif nitkellmu, biex jifhimna tajjeb u biex jagħti tweġiba tajba għal dik l-ansjetà. Il-Mulej ma jħaffifx il-pass, jimxi dejjem bil-pass tagħna, ħafna drabi pass tqil, imma l-paċenzja tiegħu dik hi.
Hemm regola antika tal-pellegrini li tgħid li l-pellegrin veru għandu jimxi skont il-pass tal-persuna li l-aktar timxi bil-mod. U Ġesù għandu ħila jagħmel dan, jistenniena nagħmlu l-ewwel pass. U meta jkun il-waqt, jagħmlilna l-mistoqsija. F’dal-każ huwa ċar: ‘X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?’ (cfr. v. 17) Juri li ma jafx biex iġagħalna nitkellmu. Hu jħobb jisma’ x’għandna ngħidu. Iħobb jisma’ dan, iħobb meta nitkellmu hekk. Biex jismagħna u jweġibna, iġagħalna nitkellmu, jagħmel tabirruħu li ma jafx, imma b’rispett kbir. Imbagħad iwieġeb, jispjega, sa fejn meħtieġ. Hawnhekk qed jgħidilna: ‘U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu’ (v. 26). Jispjega, jiċċara.
Nistqarr li għandi kurżità nkun naf kif spjegalhom Ġesù biex inkun nista’ nagħmel l-istess. Kienet katekeżi ta’ ġmiel kbir. Imbagħad l-istess Ġesù li ssieħeb magħna, li resaq lejna, li resaq qribna, jagħmel tabirruħu li se jibqa’ sejjer biex iqis il-livell tal-ansjetà tagħna: ‘Le, ejja, ejja ibqa’ ftit magħna’ (v. 29). Hemm issir il-laqgħa. Imma l-laqgħa mhijiex biss il-waqt tal-qsim tal-ħobż, imma hija t-triq kollha. Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù fid-dalma tad-dubji tagħna. Anke fid-dubju ikrah ta’ dnubietna, Hu qiegħed hemm biex jgħinna fl-ansjetajiet tagħna. Dejjem jinsab magħna.
Il-Mulej jissieħeb magħna għax irid jiltaqa’ magħna. Għaldaqstant ngħidu li l-qofol tal-kristjaneżmu hu laqgħa: huwa l-laqgħa ma’ Ġesù. Għaliex int nisrani? Għaliex int nisranija? U ħafna nies ma jafux iwieġbu. Għal uħud, għax hekk hi t-tradizzjoni, imma oħrajn ma jafux għaliex: għax iltaqgħu ma’ Ġesù imma ma indunawx li kienet laqgħa ma’ Ġesù. Ġesù dejjem ifittixna. Dejjem. U aħna għandna l-ansjetajiet tagħna. Fil-ħin li l-ansjetà tagħna tiltaqa’ ma’ Ġesù, tibda l-ħajja tal-grazzja, il-milja tal-ħajja, il-ħajja tal-mixja nisranija.
Jalla l-Mulej jagħtina lkoll il-grazzja li niltaqgħu ma’ Ġesù kuljum, li nsiru nafuH, li nagħrfu illi Hu jterraq magħna fil-waqtiet kollha tagħna, illi Hu jseħibna fil-pellegrinaġġ.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.