L-Akbar Kisba
Adattament għall-Malti minn Francesco PIo Attard tal-poeżija “The Great Realisation” ta’ Tom Foolery …
Erġa’ rrakkuntali dik tal-virus, Pa.
Imbagħad żgur nidħol norqod.
Imma, ibni, għax tinkwetani!
X’kull ħsieb tqil qabel l-irqad…
Nitolbok! Dik il-favorita tiegħi.
Darba oħra, biss…
Sew, mela.
Idħol trekken taħt il-friex,
għalkemm naf li int taf sewwa
li l-istorja bdiet ferm qabel…
u missierek jaf minn ġewwa.
Kienet dinja tal-kuntrasti,
min fil-faqar, min fil-ħela,
ħafna qabel bdejna nifhmu
x’sejra tfisser dik is-sena (2020).
Kien hawn bosta kumpaniji
ħsiebhom biss kif jagħmlu l-flus,
baqgħu jikbru bla xejn rażan,
min waqfilhom ġie mirfus.
Dejjem ħadna dak li ridna
għaliex tlajna wisq fil-ħajm,
li noħolmu dritt inġibu
b’għafsa waħda, f’tebqa t’għajn.
Flok jitkellmu, il-familji
waħħlu wiċċhom f’biċċa skrin,
minflok l-għożża u l-imħabba,
l-egoiżmu u t-tgemgim.
Wliedna żgħar għajnejhom ħomor
u bid-dinja bejn idejhom,
kważi nsew kif jgħidu kelma
mal-persuni li hemm ħdejhom.
U kuljum fis-smewwiet tagħna
id-duħħan għatta l-istilel,
tlajna nfittxu bl-ajruplani
imma sibna biss iż-żibel.
L-art imlejna bil-karozzi
u kif nimxu konna nsejna,
knisna l-ħdura b’tarmak jismot,
flok l-għelieqi blokok bnejna.
L-ilmijiet fgajna bil-plastik
għax l-iskart bl-addoċċ irmejna,
imma l-baħar tana lura
ħut bla ħajja biex jinkina.
Waqt li f’xorb, tipjip, żvogajna,
blajna l-kliem ta’ min imexxi:
lis-sinjur ħallih iħawwel
jekk fil-ħajja trid tirnexxi!
Imma mbagħad ma’ dik is-sena
tfaċċa l-virus fit-triq tagħna,
dlonk kull gvern stenbaħ mir-raqda
u bagħatna nistaħbew fi djarna.
Kif fil-biża’ ssakkarna,
sibna ruħna taħt l-inkwina,
bdejna nfarfru t-trab ta’ fuqna
u mill-ġdid kxifna t-tbissima.
Bdejna nċapċpu bħala grazzi,
min mar ċempel lill-anzjani,
flok iċ-ċwievet tal-karozzi
ppreferejna ġnien ħadrani.
U taħt sema ċar u safi
anki l-art ħadet ir-ruħ,
fuq ix-xtut bla biża’ l-ħlejjaq
ħarġu jxommu l-mewġ ifuħ.
Min fiż-żfin infexx, u fl-għana,
min fid-daqq u fit-tisjir,
konna nsejna kif ingawdu
ta’ kull ġest l-iċken pjaċir.
Għalhekk meta sibna l-kura
u fid-dinja ħriġna rġajna,
dik ta’ qabel stkerrahnieha,
għoġbitna iżjed dik li drajna.
Drawwiet qodma għebu għalkollox,
għamlu wisa’ għal oħrajn ġodda,
kull att ċkejken ta’ qalb tajba
tal-futur sar l-aqwa għodda.
Imma għaliex kien hemm bżonn ta’ virus
biex ireġġa’ lin-nies mill-ġdid flimkien?
Eħħ, xi drabi, ibni, ikollok timrad
qabel tibda tħossok aħjar.
Issa orqod u oħlom, qalbi,
fuq kemm hemm x’nagħmlu flimkien.
Min jaf! ’Kk tagħmel sforz naqr’akbar
forsi jseħħu għad fiż-żmien.
Kulħadd jafha bl-“Akbar Kisba”,
u hekk bdiet lura fis-snin:
dan li tgħallmet din id-dinja
wara l-elfejn u għoxrin.
Adattament għall-Malti minn Francesco PIo Attard tal-poeżija “The Great Realisation” ta’ Tom Foolery …