Fil-15 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Pietru u Santa Dijonisja, Martri tal-1 Seklu.
Fil-persekuzzjoni fi żmien il-ħakma ta’ Deċjanu, id-demm kristjan kien qed jinxtered f’Lampsacus, belt fl-Asja Minuri fit-Turkija tallum. San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ġew ikkundannati sabiex imut f’isem Kristu u għalkemm kien għadu żgħir fl-età, laqa’ dawn it-turmenti bil-ferħ.
Ġie marbut bil-ktajjen ma’ rota u kissrulu għadmu. Hu min-naħa ‘l-oħra, għolla ħarstu u qal: “Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” Meta l-kmandant ra li din it-tortura kienet għalxejn, ordna li jaqtgħulu rasu.
Ftit wara fl-istess belt, il-verġni Dijonisja ħadet il-kuruna li tilef l-appostlu Nikomakus. L-istorja tiegħu tgħallem li dawk li jitilfu lil Kristu flok ma jbatu għalih, jitilfu kollox. Bil-ftit saħħa li kien għad fadallu waqt it-tortura għajjat: “Jien qatt ma kont Nisrani. Jien nissagrifika għall-allat!” Għal dan il-kliem, Nikomakus ġie meħlus u fil-fatt vera offra sagrifiċċju lill-allat. Dak il-ħin stess huwa ġie ppossessat mix-xitan u ftit tal-ħin wara miet.
“Ja raġel imdejjaq!” għajtet Dijonisja, “għalfejn bżajt li tbati ftit? Minflok, issa ser tbati għall-eternità.” Minħabba f’dan, ġiet arrestata iżda bis-saħħa tal-Anġlu Kustodju tagħha, hi ġiet meħlusa mill-ħabs.
Iżda x-xewqa tagħha li tfittex tmur il-Ġenna tiltaqa’ ma’ Ġesù tant kienet kbira li nxteħtet fuq l-iġsma tal-martri, tgħajjat: “Nippreferi mmut ħalli ngħix magħkom għal dejjem fil-Ġenna.” U Kristu, Sid il-verġni u martri, wettqilha xewqitha.