Ix-Xahar ta’ Mejju: Ix-Xahar tal-Omm


Għall-darb’oħra qegħdin fix-xahar ta’ Mejju. Ix-xhur igerrbu u diġa’ kważi wasalna f’nofs is-sena. U bħal ta’ kull sena matul ix-xahar ta’ Mejju,xahar sabih li fih tfawwar il-milja tar-Rebbiegħa, niftakru fiż-żewġ ommijiet tagħna. Niftakru fl-omm naturali li tatna l-ħajja u b’hekk niċċelebraw JUM L-OMM. Huwa xieraq li niddedikaw jum fis-sena lil din li b’tant tbatija welditna u flimkien ma’ żewġha rabbietna, tatna l-aħjar edukazzjoni u formazzjoni dejjem mimlija bl-akbar imħabba.

Fix-xahar ta’ Mejju niftakru f’Omm oħra.

Niftakru fl-OMM TAGĦNA MARIJA, OMM ALLA U OMM tagħna l-bnedmin. Anke dan huwa sewwa u xieraq li niċċelebrawh bl-akbar imħabba u venerazzjoni meta niftakru din il-mara x’għamlet għalina li nemmnu, bħala protagonista flimkien ma’ binha Ġesù għas-salvazzjoni tagħna. Niċċelebraw fix-xahar ta’ Mejju lill-Madonna bħala Omm l-Umanità filwaqt li nħarsu lejha u nimmitawha fil-virtujiet sbieħ u singulari tagħha.

Ilkoll naqblu li m’hemmx għalfejn  jiġi JUM L-OMM sabiex nuru l-imħabba u r-rispett tagħna lejn l-omm naturali li wellditna bħala bnedmin. Dawn jinħtieġ li nuruhom matul is-sena kollha. Daqs hekk ieħor m’hemmx għalfejn jiġi x-xahar ta’ Mejju sabiex nuru d-devozzjoni tagħna lejn Ommna Marija. Din għandna nuruha matul is-sena kollha, matul ħajjitna kollha. Kuljum aħna msejjħin sabiex fuq kollox infittxu l-virtujiet li kellha din l-omm Qaddisa u fuq kollox nimmitawha.

IL-PAPA FRANĠISKU U L-MADONNA

Jekk huwa minnu li aħna fl-isem tagħna għandna marbut magħna l-istess destin u identità, għall-Papa Franġisku dan huwa minnu. L-isem magħżul mill-ġenituri tiegħu – dak ta’ JORGE MARIO – diġà nsibu motiv tal-imħabba li, dak li llum huwa l-Papa Franġisku, kellu u għad għandu lejn il-Madonna. U dan huwa sentiment reliġjuż li huwa wirtu minn ommu, Regina Maria Sivori u minn missieru Mario Bergoglio. It-tlieta li huma ma’ isimhom hemm l-isem ta’ Maria…Mario b’referenza għad –devozzjoni lejn i-Madonna.

Il-Papa Franġisku ġie mgħammed fil-jum tal-Milied tas-sena 1936, fil-Bażilka ddedikata lill-Marija Awsjilatriċi: Għajnuna tal-Insara, fil-Barrio Flores ta’ Buenos Aires, fejn il-familja tiegħu kienet tgħix bħala emigranti Taljani ġejjin mill-Piemonte. Meta huwa sar Isqof, kien ta’ kull sena, nhar l-24 ta’ Mejju, kien imur imexxi il-festa solenni li tiġi ċċelebrata propju f’din il-Bażilka. Bħala saċerdot-reliġjuż ta’ spiss kien imur iżur bil-karozza tal-linja din il-knisja marjana fejn ġie mgħammed bil-għan li jinġabar fis-skiet u t-talb lill-Madonna li minn dejjem kellu devozzjoni kbira lejha.

IMMEDJATAMENT KIF SAR PAPA

L-ewwel ħaġa li għamel hekk kif ġie magħżul bħala Papa u ħa l-isem ta’ Franġisku għall-qaddis San Franġisk t’Assisi, Bergoglio proprju l-għada, mar jippreżenta bukkett fjuri lill-Madonna taħt it-titlu tal-Verġni Maria ‘Salus Populi Romani’ fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore. Kif kien qal hu stess: “Jiena għamilt dan il-ġest bl-akbar devozzjoni bil-għan li nitlob lil Marija Ommna sabiex tissieħeb miegħi u tħarisni f’dan il-ministeru ġdid li l-Knisja qed titlob minni.”

IL-MADONNA TAL-GĦOQQIEDI

Kien proprju fis-snin 80 filwaqt li kien qed jistudja fil-Ġermanja meta hemmhekk skopra d-devozzjoni lejn il-Madonna “Knotenlöserin” – Il-Madonna li tħoll l-għoqqiedi, pittura ta’ Johann Georg Melchior Schmidtner li tinsab fil-knisja ta’ St. Peter am Perlach, fin-naħa t’isfel tal-Bavaria. Din ix-xbieha tant laqtet lil Jorge Begoglio li ħa miegħu lura lejn l-Arġentina santi tagħha bil-għan li jxerred anke f’pajjiżu din id-devozzjoni. Liema devozzjoni bdiet issa dieħal anke fil-gżejjer tagħna.

DIVERSI TITLI LILL-MADONNA

Għalkemm lill-Madonna nagħtuha litanija twila ta’ titli imma nafu li Madonna waħda hemm. L-aqwa titlu li bħala Kattoliċi nagħtuha huwa dak ta’ MARIJA, OMM ALLA. It-tili l-oħra kollha jingħataw lilha proprju għax hija Omm Alla. Hija Verġni – Omm għax hija Omm Alla, hija Immakulta għax hija Omm Alla, hija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem għax hija Omm Alla u hekk il-bqija tal-privileġi u titli li nagħtu lil din ilk-mara singulari.

Il-Papa Franġisku fid-diskorisi marjani tiegħu ma jonqosx li ma jagħtix lill-Madonna dawk it-titli li huma ferm għal qalbu. Minbarra dak li diġà semmejna dwar il-Madonna li tħoll l-għoqqiedi – bħala dik l-Omm li dejjem tinterċidi għalina, huwa wkoll kien iħares lejn il-Madonna b’diversi titli oħrajn. Fosthom jispikkaw dawk li meta lill-Marija minbarra li jivvenera bħala Omm Alla u Mudell tal-Knisja, kien ukoll issejħilha: OĦTNA BĦALA BINT ADAM – ĦABIBA TAL-BNEDMIN KOLLHA ANKE TAL-MIDIMBIN – LI TISSIEĦEB MAGĦNA FIL-VJAĠĠ TAL-ĦAJJA – DEJJEM QRIB TAGĦNA BĦALA OMM – MIMLIJA BIT-TAMA …IL-MARA LI TAF TISTENNA – UMLI – ĦELWA – UBBIDJENTI – LI TILQA’ B’IMĦABBA U TĦADDAN – KOLLHA FEDELTÀ – KOLLHA SABAR U TENERIZZA – KOLLHA ĦNIENA – KAPAĊI TISMA’ – ATTENTA. Dawn huma kollha titli nistgħu ngħidu huma marbuta mat-titlu li l-Konċilju Vatikan II fil-Lumen Gentium jagħti lill-Madonna bħala MUDELL U XEBĦ TAL-KNISJA.

MARIJA – L-OMM DEJJEM PRONTA

Meta l-Papa Franġisku jimmedita s-siltiet evanġeliċi li jitkellmu minn Marija Omm Ġesù jilmaħ fihom il-prontezza li hija dejjem kienet turi fit-tweġibiet tagħha kemm lil Alla kif ukoll lill-bnedmin, Fit-tħabbira tal-Anġlu biex jgħarrafha li kienet ġiet magħżula li tkun Omm Alla hija kienet pronta tgħid “IVA”. Qalet “IVA” wkoll sabiex tmur tgħin lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta meta saret taf li din għandha diġa 9 xhur tqala. “Minnufih marrte tħaffef lejn il-għoljiet….” Daqstant ieħor kienet pronta tmur tissieħeb ma’ binha Ġesù fil-mixja tiegħu lejn il-Kalvarju u baqgħet hemm miegħu taħt is-salib. Baqgħet miegħu sakemm il-ġebla tal-qabar firdithom.

Hawnhekk il-Papa filwaqt li jimmdeita il-prontezza ta’ Marija jgħidilna li hija hekk għada u tibqa’ magħna. Meta mmorru għandha nitolbuha l-ħtiġjiet tagħna hija tkun pronta u tinterċedi għalina.

Filwaqt li bħala Maltin u Għawxin, poplu marjan li nħobbu ħafna lill-Madonna, matul dan ix-xahar ta’ Mejju nkomplu nersqu lejha fil-ħtiġijiet tagħna u ta’ pajjiżna. Imma fuq kollox inpoġġuha bħala muedell ta’ virtujiet fil-ħajja tagħna. Inkunu tassew uliedha billi nsiru aktar nixbħuha.

Fr.  Philip Cutajar, Kapuċċin

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.