Timxi ‘l quddiem il-kawża tal-kanonizzazzjoni tal-Beatu Charles de Foucauld
Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Mejju il-media tal-Vatikan ħabbret li l-Papa Franġisku ddeċieda li javanza l-kawża ta’ tnax il-beatu biex dawn ikunu kanonizzati. Fosthom insibu lil Charles de Foucauld, li kien ibbeatifikat fis-sena 2005.
Il-Viskonti Charles de Foucauld twieled fi Strasbourg, Franza fl-1858 f’familja Nisranija tajba u sinjura; imma sakemm għalaq 6 snin kien diġà tilef lil ommu u lil missieru u għalhekk hu u oħtu trabbew ma’ nannuhom. Fi żmien l-adoloxxenza tilef l-interess fl-istudju, abbanduna l-fidi, u taha għal ħajja ta’ xalar. Fl-istess żmien beda jittrenja għal ħajja militari u spiċċa mibgħut l-Alġerija, fejn ħa miegħu tfajla li għaddiha bħala martu. Dan wassal biex keċċewh mill-armata, iżda ftit żmien wara telaq lil din Mimì u reġa’ ngħaqad mar-reġiment tiegħu fl-Afrika ta’ fuq. Meta kellu 23 sena imbarka fuq esplorazzjoni fil-Marokk – din l-esperjenza laqqgħetu mal-Islam u din ir-reliġjon qanqlet fih ħafna mistoqsijiet, hekk li meta mar lura Franza, sab ruħu jdur il-knejjes b’talba stramba: ‘Mulej, jekk inti teżisti, agħtini li nsir nafek.’
Talab lezzjonijiet tar-reliġjon minngħand l-Abbé Huvelin, u dan, minnflok, fil-pront stiednu jqerr u jitqarben. Frott ta’ din il-laqgħa ma’ Ġesù, de Foucauld kellu esperjenza qawwija tal-Imħabba u l-maħfra inkundizzjonata ta’ Alla f’Ġesù. Aktar tard kiteb: ‘Meta ntbaħt li Alla jeżisti, indunajt li ma stajtx nagħmel ħaġa oħra ħlief ngħix biss għalih’.
Waqt żjara fl-Art Imqaddsa ftit wara, kien affaxxinat mill-misteru ta’ Ġesù jgħix ħajja ordinarja u fqira f’Nazaret, u ried jimita lil dan ‘il-wisq maħbub ħuh u Mulej tiegħu Ġesù’ fis-sempliċità tal-ħajja ta’ ħaddiem fqir f’post minsi, li ‘għadda ħajtu jinżel’, l-ewwelnett billi sar bniedem, imma kif kien jgħid l-Abbé Huvelin, li dejjem ‘ħa l-aħħar post, tant li ħadd ma seta’ jeħodulu’.
Wara xi żmien, Charles jidħol għal ħajja Trappista, imma wara 7 snin iħalli l-monasteru biex jgħix il-ħajja fqira ‘ta’ Nazaret’ fil-faqar.
Imur Nazaret u jgħaddi 3 snin jagħmilha ta’ speċi ta’ handyman mas-sorijiet Klarissi – jorqod ġo għorfa tal-injam imma jgħaddi siegħat u ljieli sħaħ fl-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija. Ta’ 42 sena jiġi ordnat saċerdot.
Jifhem li Alla jridu jgħix il-missjoni tiegħu qalb il-fqar. Irid jaqsam il-ħajja ta’ dawk li m’għandhom ebda’ piz fis-soċjeta’, dawk l-iktar abbandonati u imwarrbin. ‘Il-ħajja tiegħek ta’ Nazaret tista’ tgħixha kullimkien; għixha fejn tkun l-aktar ta’ ġid għal għajrek.‘
‘Meta tagħmel pranzu jew ikla, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew qrabatek jew il-ġirien għonja… Meta tagħmel festa, sejjaħ lill-fqar, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja.’ (Luqa 14: 12 – 13 ).
Għalih l-aktar imwarrbin kienu l-fqar tal-Afrika ta’ Fuq. Mar jgħix fid-deżert, fl-oasi ta’ Beni Abbes, imma mhux biex jgħix ħajja ta’ eremit, imma biex jgħix fost l-ifqar. Flok jitkellem fuq Ġesù, għażel li jixhed għalih b’ħajtu.
L-għan tiegħu: “Irrid ngħajjat il-Vanġelu b’ħajti kollha.”
Wara ftit żmien fl-Alġerija, skopra li t-Twareg kienu jistgħu jitqiesu aktar imbegħda u foqra, u għalhekk ivvjaġġa fuq elf kilometru, ħafna minnhom bil-mixi, biex mar u beda jgħix fosthom.
Ħajtu baqgħet iċċentrata fuq l-imitazzjoni ta’ Ġesù f’Nazaret, il-Kelma ta’ Alla, il-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, u l-preżenza tiegħu fil-proxxmu.
‘Is-sentenza tal-Vanġelu li qalbitli ħajti hija din: “Dak li tagħmlu ma’ l-icken fost ħuti tkunu qedin tagħmluh miegħi.” U meta naħseb li mill-istess fomm ħarġet din il-kelma: “Dan huwa ġismi, dan huwa demmi”, kemm għandi nasal biex infittex u nħobb lil Ġesu` f’dawn iż-żgħar?’
Kienet ħajtu stess li biż-żmien saret Ewkaristija – għotja sħiħa tiegħu nnifsu, li sabet il-qofol tagħha fl-1 ta’ Diċembru 1916, fi żmien l-ewwel Gwerra Dinjija. Meta ħabbtulu l-bieb, Charles ħaseb li kien ġie l-pustier bl-ittri; minnflok kienu ġew grupp ta’ ġellieda min-naħa tal-Libja. Ħarġuh barra, u wara xi ħin, ġie assassinat. Ġismu mejjet instab ġranet wara – ħdejh, fir-ramel, instab l-ostensorju li quddiemu kien jgħaddi ħafna siegħat..
Sentenza li kien iħobb jikkwota mill-Vanġelu ta’ Ġwanni kienet: ‘Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, iżda jekk tmut tagħmel ħafna frott’. (Ġw 12: 24)
Min jixtieq aktar tagħrif dwar Charles de Foucauld u l-Fraternità tal-Lajċi ispirata minnu jista’ jċempel fuq 79298509.
Kitba ta’ Anne Pace