Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Marija Droste zu Vischering

Print Friendly, PDF & Email

Fit-8 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil Beata Marija Droste zu Vischering, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1863 sa 1899.

Twieldet fit-8 ta’ Settembru 1863, f’Munster, fil-Ġermanja, minn ġenituri nobbli. Kienet tewmija ma’ ħuha Max.

Ommha nisslet fiha mħabba kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Ta’ 12-il sena għamlet l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-isqof u ħasset ix-xewqa li ssir reliġjuża.

Daħlet mas-sorijiet tal-Bon Pastur f’Munster fl-1888, meta kellha 25 sena u tawha l-isem ta’ Swor Marija tal-Qalb Divina.

Sa minn meta kienet għadha novizza ħasset lil Ġesù jsejħilha biex tkun qrib il-qalb tiegħu u tgħallmet kif tħaddan it-tbatija. Kienet devota kbira tal-Ewkaristija u sikwit kienet tħoss messaġġi mistiċi.

Fl-1864, Intbagħtet Lisbona u ftit wara saret is-superjura fil-kunvent ta’ Oporto fil-Portugall. Sentejn biss wara mardet ħafna u b’hekk setgħet tirċievi lil Ġesù Ewkaristija kuljum bħala vjatku. Dak iż-żmien ma kienx permess tqarbin ta’ spiss, imma f’waħda mill-intimitajiet tagħha ma’ Ġesù, hu wrieha kemm kellu xewqa kbira li jingħaqad aktar mal-erwieħ permezz tal-Ewkaristija, u xtaqha li tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

Ġesù rrevelalha wkoll ix-xewqa li tibda d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa billi l-erwieħ joffrulu post f’qalbhom u jikkonsagraw ruħhom lejn il-Qalb Imqaddsa.

Fl-1897, rċeviet l-ordni mingħand Ġesù biex tgħid lill-Papa jikkonsagra l-umanità kollha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, iżda kien biss fl-1898, li hija ngħatat il-permess li tikteb Ruma lill-Papa Ljun XIII. Hija qatt ma rċeviet tweġiba għall-ittra tagħha, u għalhekk sena wara reġgħet bagħtet ittra oħra. Did-darba t-talba ntlaqgħet u l-Papa aċċetta li jikkonsagra d-dinja lill-Qalb ta’ Ġesù fil-11 ta’ Ġunju tal-istess sena.

Imma Swor Marija Droste qalbet għall-agħar u mietet waqt li kienet qed tipprepara għall-festa solenni tal-Qalb ta’ Ġesù. Hija mietet fit-8 ta’ Ġunju, 1899, u ġiet ibbeatifikata mill-Papa Pawlu VI fl-1 ta’ Novembru, 1975.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: