56. Is-Saċerdoti jeżerċitaw il-Ministeru tal-Predikazzjoni


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 21/04/1993.

1. Fil-Knisja aħna lkoll imsejħin biex inxandru l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu, biex nikkomunikawha b’mod dejjem iktar sħiħ lil dawk li jemmnu (cf. Kol 3, 16), biex ngħarrfuha lil dawk li ma jemmnux (cf. 1 Pt 3, 15).

Mhemmx nisrani li jistà jeżenta lilu nnifsu minn dan l-impenn, li jirriżulta mill-istess sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma u operanti taħt l-imbuttatura tal-Ispirtu Santu. Mela naslu li minnufih ngħidu li l-evanġelizzazzjoni mhix riservata għal kategorija waħda biss ta’ membri tal-Knisja. U bdanakollu, l-Isqfijiet huma l-protagonisti u l-gwidi għall-komunità kollha tal-insara, bħal ma rajna f’waqtu. F’din l-opra huma mgħejjuna mill-Presbiteri u sa ċertu punt mid-Djakni, skont in-normi u l-prassi tal-Knisja, kemm fiż-żminijiet l-iktar antiki, kif ukoll f’dawk tal-“evanġelizzazzjoni l-ġdida”.

2. Għall-Presbiteri, wieħed jistà jgħid li l-aħbar tal-Kelma ta’ Alla hija l-ewwel funzjoni li għandhom jiżvolġu (cf. LG 28; CCC 1564), għaliex il-bażi tal-ħajja nisranija, personali u komunitarja, hija l-fidi, li tiġi mqanqla mill-kelma ta’ Alla u li tistaħja b’din il-Kelma. Il-Konċilju Vatikan II jenfasizza din il-missjoni evanġelizzatriċi billi jqiegħdha f’konnessjoni mal-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla, u mad-dritt ta’ kulħadd li jirċievi mingħand is-Saċerdoti l-aħbar evanġelika (cf. Presbyterorum Ordinis, 4). Il-bżonn ta’ din il-predikazzjoni jitqiegħed fid-dawl minn San Pawl, li mal-mandat ta’ Kristu jżid l-esperjenza tiegħu ta’ Appostlu. Fl-attività evanġeliżzatriċi tiegħu, imwettqa f’bosta reġgjonijiet u f’bosta ambjenti, huwa kien intebaħ li l-bnedmin ma kinux jemmnu minħabba li ħadd ma kien għadu ħabbrilhom il-Bxara t-Tajba. Minkejja li issa kienet miftuħa għal kulħadd it-triq tal-fidwa, huwa kien innota li mhux kollha kien għad kellhom il-possibiltà li japprofittaw ruħhom. Għalhekk ta wkoll din l-ispjega tal-bżonn tal-predikazzjoni għall-mandat ta’ Kristu: “Kif jistgħu isejħu isem il-Mulej mingħajr ma l-ewwel ikunu emmnu fih? U kif jistgħu jemmnu fih jekk qatt ma semgħu bih? U kif jistgħu jisimgħu bih jekk ħadd ma jħabbarulhom? U kif iħabbruhulhom, mingħajr ma jkunu l-ewwel mistiedna?” (Rm10, 15). Lil dawk li kienu emmnu, l-Appostlu kien imbagħad jara kif jagħmel biex jikkomunika bl-abbundanza l-Kelma ta’ Alla. Dan jgħidu hu stess lit-Tessalonkin:  “Kif jagħmel missier ma’ wliedu, ħeġgiġna kull wieħed minnkom, billi qawwejnielkom qalbkom u billi tlabniekom biex iġġibu ruħkom b’mod denn ta’ dak Alla li jsejħilkom…” (1 Ts 2, 12). Lid-dixxiplu Timotju, l-Appostlu jirrakomanda b’urġenza dan il-ministeru: “Nitolbok, ikteb, quddiem Alla u Kristu… xandar il-Kelma, insisti f’kull okkażjoni opportuna u mhix opportuna, wissi, ċanfar, ħeġġeġ b’kull manjanimità u dutrina (2 Tm 4, 1-2). Rigward il-Presbiteri, huwa jagħti din il-preskrizzjoni: “Il-Presbiteri li jeżerċitaw sewwa l-presidenza jkunu ttrattati b’unur doppju, b’mod speċjali dawk li jitħabtu fil-predikazzjoni u fit-tagħlim” (1 Tm 5, 17).

3. Il-predikazzjoni tal-Presbiteri mhix sempliċi eżerċizzju tal-kelma rispondenti għal bżonn personali li jesprimu ruħhom u li jikkomunikaw il-ħsieb propju, linqas tistà tikkonsisti biss fil-manifestazzjoni ta’ esperjenza personali. Dan l-element psikoloġiku, li jistà jkollu rwol tiegħu taħt l-aspett didattiku-pastorali, ma jistax jikkostitwixxi la r-raġuni linqas il-parti preponderanti tal-predikazzjoni. Bħal ma kienu jgħidu s-Santi Padri tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971, “l-esperjenzi tal-ħajja kemm tal-bnedmin b’mod ġenerali kif ukoll tal-Presbiteri, li għandhom jinżammu preżenti u dejjem interpretati fid-dawl tal-Vanġelu, ma jistgħux ikunu la l-unika u linqas n-norma ewlenija tal-predikazzjoni” (Ench. Vat. 4, n. 1186). Il-missjoni tal-ippridkar hija afdata mill-Knisja lill-Presbiteri bħala sehem fil-medjazzjoni ta’ Kristu, li tiġi eżerċitata taħt u skont l-esiġenzi tal-mandat tiegħu: il-Presbiteri, “li jipparteċipaw fil-grad tagħhom tal-ministeru, tal-uffiċċju tal-uniku Medjatur Ktistu (1 Tm 2, 5), iħabbru lil kulħadd il-Kelma divina”. (Ivi). Din l-espressjoni ma tistax ma ġġegħlniex nimmeditaw: hawn għandna “Kelma divina”. Li mela mhijiex “tagħna”, ma tistax tiġi manipulata minna, trasformata, addattata kif jogħġobna, imma għandha tkun imxandra b’mod integru. U billi l-“Kelma divina” ġiet afdata lill-Appostli u lill-Knisja, “kwalunkwè Presbiteru jipparteċipa b’responsabiltà speċjali fil-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla kollha u fl-interpretazzjoni tagħha skont il-fidi tal-Knisja”, bħal ma kienu tennew is-Santi Padri tas-Sinodu tal-1971 (Ench. Vat. 4, n. 1183).

4. L-aħbar tal-Kelma issir f’konnessjoni stretta mas-Sagramenti, li permezz tagħhom Kristu jibda u jiżviluppa l-ħajja tal-grazzja. Għal dan il-għan irridu nerġgħu ninnotaw li biċċa sewwa mill-predikazzjoni, b’mod speċjali llum, tiżvolġi ruħha waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u b’mod speċjali f’dik tal-Quddiesa Mqaddsa. Barra min hekk ta’ min jinnota li diġa permezz tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti tattwa ruħha l-aħbar, kemm għall-għana tejoloġika u kateketika tal-formuli u tal-qari liturġiċi, illum ppronunzjati bil-lingwa ħajja, li jifhimha l-poplu, kif ukoll minħabba l-proċedura pedagoġika tar-rit. U bdanakollu mhemmx dubju li l-predikazzjoni trid tiġi qabel, takkumpanja u tinkuruna l-amministrazzjoni tas-Sagramenti, sabiex kemm għat-tħejjija meħtieġa biex nirċevuhom, kif ukoll għall-fruttifikazzjoni tagħhom fil-fidi u fil-ħajja.

5. Il-Konċilju reġà tenna li l-aħbar tal-Kelma divina għandha l-effett li tqanqal u titma l-fidi, u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Knisja. “Difatti, – dan jgħid – bis-saħħa tal-Kelma feddejja, il-fidi tixgħel fil-qalb ta’ dawk li ma jemmnux, u bil-fidi tara l-bidu tagħha u tikber il-komunità ta’ dawk li jemmnu” (PO 4). Dan il-prinċipju se jkun li jinżamm preżenti dejjem: l-iskop li tferrex, issaħħaħ u tkabbar il-fidi għandu jibqà fundamentali f’kull predikatur tal-Vanġelu, u allura fil-Presbiteru li b’mod għal kollox speċjali u b’tant frekwenza huwa msejjaħ biex jeżerċita il-“ministeru tal-Kelma”. Predikazzjoni li tkun rakkmu ta’ mottivi psikoloġiċi marbutin mal-persuna, jew tispiċċa fil-ħolqien tal-problemi mingħajr ma ssolvihom jew fli tqanqal diversi dubji mingħajr ma tindika s-sors tad-dawl evanġeliku li jistà jillumina il-mixja tal-individwi u tas-soċjetà, ma tilħaqx il-mira essenzjali mixtieqa mis-Salvatur. Anzi tirrisolvi ruħha f’sors ta’ konfużjoni għall-opinjoni pubblika u ta’ dannu għall-istess kredenti, li d-dritt ta’ għarfien tagħhom tal-veru kontenut tar-Rivelazzjoni hekk jiġi mwarrab fil-ġemb.

6. Il-Konċilju barra minn hekk wera l-wisgħa u l-varjetà tal-forom li tieħu l-aħbar awtentika tal-Vanġelu, skont it-tagħlim u l-mandat tal-Knisja lill-predikaturi: “Konsegwentement lejn kulħadd huma midjunin il-Presbiteri, fis-sens li lil kulħadd għandhom jikkomunikaw il-verità tal-Vanġelu li huma jippossiedu fil-Mulej. Għalhekk, sew jekk joffru f’nofs in-nies ix-xhieda ta’ ħajja eżemplari li tinkuraġġixxi biex dak li jkun jagħti glorja lil Alla; sew jekk ixandru l-misteru ta’ Kristu lil dawk li ma jemmnux bil-predikazzjoni bla ħabi; sew jekk jiżvolġu l-katekeżi nisranija jew juru d-dutrina tal-Knisja; sew jekk japplikaw ruħhom biex jeżaminaw il-problemi tal-ħin tagħhom fid-dawl ta’ Kristu: fi kwalunkwè każ, dmirhom mhuwiex li jgħallmu għerf propju, imma li jgħallmu l-Kelma ta’ Alla u li jistiednu lil kulħadd b’mod insistenti għall-konverżjoni u għall-qdusija”  (PO 4). Dawn huma mela t-toroq tat-tagħlim tal-Kelma divina, skont il-Knisja: ix-xhieda tal-ħajja, li twassal għall-iskoperta tal-qawwa tal-imħabba ta’ Alla u tirrendi perswasiva l-kelma tal-predikatur; il-predikazzjoni espliċita tal-misteru ta’ Kristu lil dawk li ma jemmnux; il-katekeżi u l-espożizzjoni ordnata u organika tad-dutrina tal-Knisja; l-applikazzjoni tal-verità rivelata għall-ħaqq u għas-soluzzjoni tal-każijiet konkreti. Għal dawn il-kondizzjonijiet il-predikazzjoni turi s-“sbuħija” tagħha u tiġbed lill-bnedmin xewqana li jaraw il-“glorja ta’ Alla”, ukoll illum.

7. Għal tali esiġenza ta’ awtentiċità u ta’ integralità tal-aħbar, ma jopponix ruħu l-prinċipju tal-adattament tal-predikazzjoni, b’mod partikolari enfasizzat mill-Konċilju (cf. PO 4). Huwa ċar li l-Presbiteru għandu qabel kollox jistaqsi lilu nnifsu, b’sens ta’ responsabiltà u rejaliżmu ta’ valutazzjoni, jekk dak li jgħid fil-predikazzjoni tiegħu huwiex mifhum mis-semmiegħa tiegħu u jekk għandux effett fuq l-irwol tagħhom ta’ ħsieb u ta’ għixien. Għandu barra minn hekk jimpenja ruħu biex jikkonsidra l-predikazzjoni propja, mid-diversi bżonnijiet tas-semmiegħa u mid-diversi ċirkustanzi li għalihom jiltaqgħu u jitolbu l-intervent tiegħu. Huwa ċar li hu għandu wkoll jagħraf u jidentifika t-talenti tiegħu, u jinqeda bihom b’mod opportun, mhux  għal esibizzjoniżmu li, minn fuq jiskwalifikah mas-semmiegħa, imma bl-iskop li jintroduċi aħjar il-Kelma divina fil-ħsieb u fil-qalb tal-bnedmin. Imma iktar milli għat-talenti naturali, il-predikatur għandu jappella ruħu għal dawk il-kariżmi soprannaturali li l-istorja tal-Knisja u tal-elokwenza sagra tippreżenta f’tant predikaturi qaddisin, u jħoss ruħu mbuttat li jitlob l-ispirazzjoni lill-Ispirtu Santu għall-mod l-iktar addattat u effikaċi biex jitkellem, iġib ruħu, jiddjaloga mas-semmiegħa tiegħu. Dan kollu jiswa wkoll għal dawk kollha li jeżerċitaw il-ministeru tal-Kelma bil-kitbiet, bil-pubblikazzjonijiet, bit-trażmissjonijiet radjufoniċi u televiżivi. Ukoll l-użu ta’ dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jitlob mill-predikatur, kunferenzier, kittieb, intrattenittur reliġjuż u b’mod speċjali mill-Presbiteru l-appell u r-rikors lill-Ispirtu Santu, dawl li jinvigorixxi l-menti u l-qlub.

8. Skont l-indikazzjonijiet tal-Konċilju, ix-xandir tal-Kelma divina għandu jsir fl-ambjenti kollha u fl-istrati soċjali kollha, waqt li nikkunsidraw ukoll xi bnedmin li ma jemmnux: dawn jinkludu nies tassew ateji jew, bħal ma spiss jiġri, anjostiċi jew indifferenti jew distratti, li biex wieħed jinteressahom ikollu bżonn jivvinta t-toroq addattati. Hawn ikun biżżejjed jekk dak li jkun reġà għal darb’oħra għaraf il-ptoblema, li hija gravi għandu jiffaċċjaha b’żelu, imwieżen minn intelliġenza, u bi spirtu seren.  Lill-Presbiteru jkunlu utli li jiftakar l-konsiderazzjoni għaqlija tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971, li kienet tgħid: “Il-ministru tal-Kelma bl-evanġelizzazzjoni jħejji t-toroq tal-Mulej b’sabar kbir u fidi, waqt li jaddatta ruħu għall-kondizzjonijiet diversi tal-ħajja tal-individwi u tal-popli” (Ench. Vat. 4, n. 1184). L-appell għall-grazzja tal-Mulej u għall-Ispirtu Santu li huwa d-distributur divin, dejjem meħtieġ, ikun mismugħ b’mod ferm iktar ħaj fil-każijiet kollha ta’ ateiżmu (almenu prattiku), ta’ anjostiċiżmu, ta’ injoranza u ta’ indifferenza reliġjuża, kultant ta’ ostilità preġudizzjali u saħansitra ta’ rabja, li jġegħlu lill-Presbiteru jinnota l-insuffiċjenza tal-mezzi kollha umani biex jinfetaħ fl-erwieħ passaġġ lil Alla. Għalhekk ferm iktar minn qatt qabel wieħed għandu jisperimenta il-“misteru tal-idejn vojti”, bħal ma ingħad; imma propju għal dan wieħed għandu jiftakar li San Pawl, kważi msallab minn esperjenzi li jixbħuhom, dejjem kien isib kuraġġ ġdid fil-“qawwa ta’ Alla u fl-għerf ta’ Alla” preżenti fi Kristu (cf. 1 Kor 1, 18. 29), U fakkar lill-Korintin: “Jiena ġejt f’nofskom dgħajjef, imbeżżà u mriegħed; il-kelma u l-aħbar tiegħi ma kinux imlibbsabi kliem qawwi tal-għerf. Imma l-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom timbena mhux fuq il-għerf tal-bnedmin, imma fuq il-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 2, 3-5).

Jistà jkun li huwa dan il-vjatku mportanti għall-predikatur tallum.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb