Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-II ġimgħa tal-Avvent

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
Il-Ħamis

QARI I
Jien il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael!
Iż 41, 13-20

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
inwieżnek minn idek il-leminija,
u ngħidlek: “Tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek”.
Tibżax, Ġakobb, daqsxejn ta’ dudu fl-art,
intom, bnedmin ta’ Iżrael!
Jiena l-għajnuna tiegħek – oraklu tal-Mulej –,
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael!
Arani! Jien nagħmel minnek romblu tad-dris ġdid,
jaqta’ u kollu snien.
Int tidres il-muntanji u tfarrakhom,
u l-għoljiet tagħmilhom tlief;
int idderrihom u r-riħ iġorrhom,
u r-riefnu jxerridhom.
Imbagħad int tifraħ fil-Mulej,
u tiftaħar bil-Qaddis ta’ Iżrael.
Il-foqra u l-imsejknin ifittxu l-ilma u ma jsibux!
Ilsienhom niexef bil-għatx.
Jiena, il-Mulej, nismagħhom,
Jiena, Alla ta’ Iżrael, ma ninsihomx.
Xmajjar ta’ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja,
u għejun f’nofs il-widien.
Nibdel id-deżert f’għadira ilma,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma.
Inxettel iċ-ċedri fid-deżert,
il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ;
intella’ ċ-ċipress fix-xagħri,
u magħhom id-dolf u l-bux;
biex hekk jaraw u jagħrfu,
jaħsbu u jifhmu wkoll,
li id il-Mulej għamlet dan,
u l-Qaddis ta’ Iżrael ħalqu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 144 (145), 1 u 9. 10-11.12-13ab

R/. (8): Il-Mulej twajjeb u ħanin

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Iż 45, 8

Hallelujah. R/. Hallelujah
Qattru, smewwiet, mill-għoli,
u jraxxax is-sħab il-ġustizzja;
tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.
Mt 11, 11-15

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.
Min għandu widnejn ħa jisma’!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading