Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-III ġimgħa tal-Avvent


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent
It-Tlieta

QARI I
Is-salvazzjoni li jġib miegħu l-Messija titwiegħed lill-popli kollha.
Sof 3, 1-2.9-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

Dan jgħid il-Mulej:
“Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha, għat-tinġis tagħha,
il-belt li taħqar!
Għas-sejħa ma tatx widen,
lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha;
hi ma riditx tittama fil-Mulej,
lanqas ma resqet lejn Alla tagħha”.
“Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom diskors bla qerq,
biex isem il-Mulej ilkoll isejħu,
jaqduh qalb waħda.
Mix-xtajta l-oħra tax-xmajjar f’Kus sat-truf tat-Tramuntana,
jadurani l-poplu mxerred tiegħi
u jġib l-offerta tal-qmuħ tiegħu.
Int ma tibqax imħawda dakinhar
għall-għemil kollu tiegħek li bih qomt kontrija,
għax jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok
lil dawk fost niesek li jsibu l-hena tagħhom fil-kburija;
u int ma żżidx titkabbar fuq l-għolja mqaddsa tiegħi.
U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken”.
U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn
dawk li jifdal minn Iżrael.
Ma jagħmlux ħażen,
ma jgħidux kliem b’ieħor,
u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom,
hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu
bla ma jbeżżagħhom ħadd.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 33 (34), 2-3.6-7.17-18.19 u 23

R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Mulej la tiddawwarx:
aħfer id-dnub tal-poplu tiegħek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġie Gwanni, u l-midinbin emmnuh.
Mt 21, 28-32

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”. U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi”, qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu