Illum il-Knisja tfakkar lil San Barnaba


Fil-11 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Barnaba, Appostlu li għex fl-1 Seklu.

San Barnaba kien Lhudi mit-tribù ta’ Levi u twieled f’Ċipru. Ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli. Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja.

Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaliel, fl-istess żmien ma’ San Pawl.

Kien wieħed minn tal-ewwel li kkonvertew għall-Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara l-Pentekoste, fis-sena 29 jew 30. Kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli bidlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ. Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. (Atti 11:24)

Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra.

Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien San Barnaba li laqgħu u ntroduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn persekutur qalil, isir wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.

Minn Ġerusalemm, San Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja. Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Nsara. Darba minnhom San Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunità ġdida ta’ Antjokja.

Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru min għand l-Insara ta’ Antjokja.

Imbagħad San Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju. Magħhom ħadu lil Marku (l-Evanġelista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.

Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni San Barnaba kien jaqbel ma’ San Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm.

San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jipprietkaw flimkien iżda ma qablux fuq Marku. San Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx. Spiċċaw biex San Barnaba ħa lil Marku u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-Sirja. Wara dan ma nafux x’sar minn San Barnaba.

Iżda nafu li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.