Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 19/09/1979.
1. B’riferenza għall-kliem ta’ Kristu dwar it-tema taż-żwieġ li fiha huwa jmur lura għall-“bidu”, ġimgħa ilu xħetna l-attenzjoni tagħna fuq l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 1). Illum se ngħaddu għat-tieni rakkont li, minħabba li fih Alla huwa msejjaħ “Jahwè”, dan ir-rakkont spiss jiġi deskritt bħala “jahwista”.
It-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem (marbut mal-preżentazzjoni kemm tal-innoċenza u l-hena oriġinali kif ukoll mal-ewwel waqgħa) għandu min-natura tiegħu karattru differenti. Għalkemm ma rridux nantiċipaw id-dettalji ta’ dan ir-rakkont – għaliex ikun aħjar li nitkellmu dwarhom f’analiżi oħra – irridu ninnutaw li t-test kollu, fil-formulazzjoni tal-verità dwar il-bniedem, jgħaġġibna bil-profondità tipika tiegħu li hi differenti minn dik tal-ewwel kapitlu tal-Ġenesi. Wieħed jistà jgħid li hija profondità ta’ natura qabel xejn suġġettiva u allura, sa ċertu sens, psikoloġika. Il-tieni kapitlu tal-Ġenesi jikkostitwixxi, b’ċertu mod, l-iktar deskrizzjoni u reġistrazzjoni antika tal-bniedem dwar l-għarfien tiegħu nnifsu u, flimkien mat-tielet kapitlu, huwa l-ewwel xhieda tal-kuxjenza umana. B’riflessjoni profonda dwar dan it-test – matul il-forma arkajka kollha tar-rakkont li turi l-karattru mitiku primittiv tiegħu – insibu “f’nukleju” kważi l-elementi kollha tal-analiżi tal-bniedem, li għalihom l-antropoloġija filosofika moderna u fuq kollox dik kontemporanja hija sensittiva. (Jekk fil-lingwaġġ tar-razzjonaliżmu tas-seklu XIX it-terminu “mit” kien jindika dak li ma kienx jinsab fir-realtà, il-prodott tal-immaġinazzjoni [Wundt], jew dak li hu irrazzjonali [Lévy-Bruhl], is-seklu XX immodifika l-kunċett tal-mit. L. Walk jara fil-mit il-filosofija naturali, primittiva u reliġjuża. R. Otto jqisu bħala strument ta’ għarfien reliġjuż. Għal C.G. Jung, mill-banda l-oħra, il-mit huwa l-manifestazzjoni tal-arkitipi u tal-espressjoni tal-“inkonxju kollettiv”, simbolu tal-proċessi interjuri. M. Eliade jiskopri fil-mit l-istruttura tar-realtà li hija inaċċessibbli għall-istħarriġ razzjonali u empiriku. Infatti, il-mit jibdel il-ġrajja f’kategorija u jagħtina l-ħila li nipperċepixxu r-realtà traxxendenti. Il-mit mhuwiex sempliċement simbolu tal-proċessi interjuri [kif isostni Jung], imma hu att awtonomu u krejattiv tal-ispirtu uman, li permezz tiegħu sseħħ ir-rivelazzjoni [ara: Traité d’histoire des religiones, Pariġi 1949, p. 363; Images et symboles, Pariġi 1952, pp. 199-235]. Skont P. Tillich, il-mit huwa simbolu, magħmul minn elementi tar-realtà biex jippreżenta l-assolut u t-traxxendenza tal-esseri, li magħhom jintrabat l-att reliġjuż. H. Schlier isostni li l-mit ma jagħrafx fatti storiċi u lanqas m’għandu bżonnhom, minħabba li hu jiddeskrivi d-destin kożmiku tal-bniedem li huwa dejjem identiku. Fi ftit kliem, il-mit għandu tendenza jifhem dak li mhuwiex magħruf.) Nistgħu ngħidu li b’mod speċjali Ġenesi 2 jippreżenta l-ħolqien tal-bniedem fl-aspett suġgettiv tiegħu. Meta nqabblu ż-żewġ rakkonti, nikkonkludu li din is-suġgettività tikkorrispondi mar-realtà oġgettiva tal-bniedem maħluq “xbieha ta’ Alla”. Dan il-fatt huwa wkoll – f’mod ieħor – importanti għat-teoloġija tal-ġisem, kif se naraw fl-analiżi li ġejjin.
2. Huwa sinifikattiv li Kristu, fit-tweġiba tiegħu lill-Fariżej li fiha jsemmi l-“bidu”, jindika qabel xejn il-ħolqien tal-bniedem b’riferenza għall-Ġenesi 1,27: “Il-Ħallieq sa mill-bidu ħalaqhom raġel u mara”. Kien biss wara li hu kkwota t-test tal-Ġenesi 2:24. Il-kliem li jiddeskrivi b’mod dirett l-għaqda u l-indissolubbiltà taż-żwieġ jinsabu fil-kuntest immedjat tat-tieni rakkont tal-Ħolqien. Il-parti karatteristika tiegħu hija l-ħolqien separat tal-mara (ara: Ġen 2:18-23), waqt li r-rakkont tal-ħolqien tal-ewwel bniedem (ir-raġel) jinsab fil-Ġenesi 2:5-7.
Lil dan l-ewwel esseri uman il-Bibbja ssejjaħlu “bniedem” (“ ‘adam”). Imma mill-waqt tal-ħolqien tal-ewwel mara, tibda ssejjaħlu “raġel”, “ ‘iš”, b’relazzjoni ma’ “ ‘iššâ” (“mara”, għaliex hi ttieħdet mir-raġel – “ ‘iš”). (F’dal li għandu x’jaqsam ma’ etimoloġija, mhux eskluż li t-terminu Ebrajk “ ‘iš” ġej minn għerq li jfisser “qawwa” [“ ‘iš” jew inkella “ ‘wš”]; filwaqt li “ ‘iššâ” hija marbuta ma’ serje ta’ termini Semitiċi li t-tifsira tagħhom tvarja bejn “mara” u “mart”. L-etimoloġija proposta mit-test bibbliku hija ta’ karattru popolari u sservi biex tenfasizza l-għaqda tal-orġini tar-raġel u l-mara. Dan donnu li hu kkonfermat mill-assonanza taż-żewġ termini). Huwa sinifikattiv wkoll li, fir-referenza li għamel għall-Ġenesi 2:24, Kristu mhux biss għaqqad il-“bidu” mal-misteru tal-ħolqien, imma wassalna wkoll, biex ngħidu hekk, sal-konfini tal-innoċenza primittiva tal-bniedem u tad-dnub oriġinali.
It-tieni deskrizzjoni tal-ħolqien tal-bniedem fil-Ktieb tal-Ġenesi tinsab proprju f’dan il-kuntest. Qabel xejn, hemm naqraw: “ U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem. Imbagħad il-bniedem qal: Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi. Għalhekk se tissejjaħ mara għax mir-raġel ittieħdet hi.” (Ġen 2:22-23).
“Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġen 2:24).
“U t-tnejn kienu għarwiena, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.” (Ġen 2:25).
3. Immedjatament wara dawn il-versi, jibda kapitlu 3 tal-Ġenesi, bir-rakkont tal-ewwel waqgħa tar-raġel u tal-mara, marbut mas-siġra misterjuża, li diġà qabel kienet issejħet “is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 2:17). B’dan il-mod titfaċċa sitwazzjoni għal kollox ġdida, essenzjalment differenti minn dik ta’ qabel. Is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin hija linja ta’ demarkazzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet oriġinali, li dwarhom jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi. L-ewwel sitwazzjoni hija dik tal-innoċenza oriġinali, li fiha l-bniedem (raġel u mara) kien, biex ngħidu hekk, ’il barra mill-isfera tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, sal-waqt li fih jikser il-projbizzjoni tal-Ħallieq u jiekol il-frott tas-siġra tal-għarfien. Għall-kuntrarju, it-tieni sitwazzjoni hi dik li fiha l-bniedem, wara li jkun kiser l-amar tal-Ħallieq fuq suġġeriment tal-ispirtu ħażin, issimbolizzat mis-serp, b’xi mod isib ruħu fl-isfera tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Din it-tieni sitwazzjoni ddeterminat l-istat tal-ħtija umana, f’kuntrast mal-istat ta’ innoċenza primittiva.
Għalkemm fil-kontenut it-test jahwista huwa tassew konċiż, però huwa biżżejjed biex joħloq b’ċarezza differenza u kuntrast bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet oriġinali. Hawn qegħdin nitkellmu dwar sitwazzjonijiet billi għandna quddiem għajnejna r-rakkont li huwa deskrizzjoni ta’ ġrajjiet. Minkejja kollox, permezz ta’ din id-deskrizzjoni u l-partikularitajiet kollha tagħha, toħroġ id-differenza essenzjali bejn l-istat tad-dnub tal-bniedem u dak tal-innoċenza oriġinali
(“L-istess lingwaġġ reliġjuż jitlob it-traspożizzjoni ta’ “xbihat” jew aħjar “modalitajiet simboliċi” għal “modalitajiet konċettwali” ta’ espressjoni. Mal-ewwel daqqa t’għajn, din it-traspożizzjoni tistà tidher bħala bidla purament “estrinsika”… Il-lingwaġġ simboliku jidher inadegwat biex jintroduċi l-kunċett minħabba raġuni li hi stramba għall-kultura tal-Punent. F’din il-kultura l-lingwaġġ reliġjuż dejjem kien ikkundizzjonat minn lingwaġġ ieħor, dak filosofiku, li huwa l-lingwaġġ konċettwali “per eċcellenza”… Jekk inhu minnu li vokabularju reliġjuż jinftihem biss f’komunità li tinterpretah u skont tradizzjoni ta’ interpretazzjoni, huwa minnu wkoll li ma teżistix tradizzjoni ta’ interpretezzjoni li mhix “medjata” minn xi konċezzjoni filosofika. Hekk, il-kelma “Alla”, li fit-testi bibliċi tieħu t-tifsira tagħha mill-“konverġenza” ta’ diversi għamliet ta’ diskors [rakkonti, profeziji, testi leġiżlattivi u letteratura ta’ għerf, proverbji u innijiet], – meta wieħed iqis din il-konverġenza bħala punt ta’ intersezzjoni u bħala l-orizzont evażiv ta’ kull forma – kien hemm bżonn li tkun assorbita fl-ispazju konċettwali, biex tkun interpretata mill-ġdid f’termini tal-Assolut filosofiku, bħala l-ewwel Mutur, l-ewwel Kawża, “Actus essendi”, l-Esseri perfett, eċċ. Mela, il-kunċett tagħna ta’ Alla jappartjeni għal onto-teoloġija, li fiha tiġi organizzata l-kostellazzjoni sħiħa tal-kliem-ewlieni tas-semantika teoloġika, imma f’qafas ta’ tifsiriet dettati mill-metafiżika” [P. Ricœur, Ermeneutica biblica, Morcelliana, Brescia 1978, pp. 140-141; titlu originali: Biblical Ermeneutics, Montana, 1975]. Il-kwistjoni, jekk ir-riduzzjoni metafiżika tesprimix b’mod reali l-kontenut li jaħbi fih il-lingwaġġ simboliku u metaforiku, hija tema a parti.).
It-teoloġija sistematika tiddixxerni f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet antitetiċi, żewġ stati diffenti tan-natura umana: “status naturae integrae” (stat ta’ natura integra) u “status naturae lapsae” (stat ta’ natura dekaduta). Dan kollu joħroġ minn dak it-test jahwista ta’ Ġenesi 2 u 3, li jiġbor fih l-iktar kelma antika tar-rivelazzjoni. Bla dubju ta’ xejn, dan għandu sinifikat fundamentali għat-teoloġija tal-bniedem u għat-teoloġija tal-ġisem.
4. Meta Kristu, bir-referenza tiegħu għall-“bidu”, jirreferi lill-interlokuturi tiegħu għall-kliem miktub fil-Ġenesi 2,24, huwa jordnalhom, sa ċertu punt, biex jaqsmu l-fruntiera li, fit-test jahwista tal-Ġenesi, tinsab bejn l-ewwel u t-tieni sitwazzjoni tal-bniedem. Huwa ma japprovax dak li Mosè ippermetta “minħabba għebusija tal-… qalb”, u jfakkar fil-kliem tal-ewwel ordni divin, li f’dan it-test huwa espressament marbut mal-istat ta’ innoċenza oriġinali tal-bniedem. Dan ifisser li din l-ordni ma tilfitx il-qawwa tagħha, minkejja li l-bniedem tilef l-innoċenza primittiva. It-tweġiba ta’ Kristu hija deċiżiva u bla tlaqliq. Għalhekk hemm bżonn li niġbdu l-konklużjonijiet normattivi, li għandhom sinifikat essenzjali mhux biss għall-etika, imma fuq kollox għat-teoloġija tal-bniedem u għat-teoloġija tal-ġisem, li, bħala element partikolari tal-antropoloġija teoloġika, tibbaża ruħha fuq il-Kelma ta’ Alla rrivelata. Nippruvaw niġbdu dawn il-konklużjonijiet waqt il-laqgħa li jmiss.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.
Rivedut minn Carm C. Cachia
Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm