39. Il-konkupixxenza bħala distakk mis-sinifikat sponsali tal-ġisem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 10/09/1980.

1. Nirriflettu fuq il-kliem ta’ Ġesù li ġej mid-Diskors tal-Muntanja: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkommetta adulterju magħha f’qalbu” (“diġa rrendiha adultera ġewwa qalbu”) (Mt 5,28).

Kristu ppronunzja din is-sentenza quddiem semmiegħa, li, a bażi tal-kotba tat-Testment il-Qadim, kienu, f’ċertu sens, imħejjija biex jifhmu s-sinifikat tal-ħarsa li titnissel mill-konkupixxenza. Diġa l-Erbgħa li għaddew għamilna riferenza għat-testi meħudin mill-hekk imsejħa Kotba Sapjenzjali.

Hekk hu, per eżempju, pass ieħor, li fih l-awtur bibbliku janaliżża l-istat tal-moħh tar-raġel iddominat mill-konkupixxenza tal-ġisem:

“…passjoni li tħrġġeġ bħal nar li jaqbad / ma tikkalmax qabel ma tikkonsma ruħha / raġel immodest f’ġismu / ma jiqafx sakemm ma jiddivorahx in-nar; / għar-raġel impur kull ħobż huwa appetituż, / ma jgħejjiex sakemm imut. / Ir-raġel infidil għal soddtu / jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min se jarani? /Dlamijiet madwari u l-ħitan jaħbuni; / ħadd ma jarani, minn xiex għandi nibżà? / Dwar dnubieti ma jiftakarx l-iktar Għoli”. / Il-biżà tiegħu jirrigwarda biss għajnejn il-bnedmin; / ma jafx li għajnejn il-Mulej / huma numri bla tarf ta’ wċuh l-iktar ileqqu mix-xemx; / huma jaraw l-azzjonijiet kollha tal-bnedmin / u jippenetraw sa l-iktar postijiet sigrieti. / Hekk ukoll dwar il-mara li titlaq lil żewġha, / u tippreżenta werrieta miksuba minn barrani…”  (Sir 23,17-22).

2. Deskrizzjonijiet simili ma jonqsux fil-letteratura mondjali (1). Bla dubju, bosta minnhom jiddistingwu ruħhom għall-għaqal iktar penetranti ta’ analiżi psikoloġika u għall-suġgestività iktar intensa u qawwa espressiva. Madankollu, id-deskrizzjoni bibblika tas-Siracide (Sir 23,17-22) tinkludi ċerti elementi li jistgħu jitqiesu “klassiċi” fl-analiżi tal-konkupixxenza karnali. Element ta’ dan it-tip huwa, per eżempju, il-paragun bejn il-konkupixxenza tal-ġisem u n-nar: dan waqt li jħeġġeġ fir-raġel, jinvadilu s-sensi, jeċcita l-ġisem,  jinvolvi s-sentimenti u sa ċertu sens jippossedilu “qalbu”. Tali passjoni, oriġinata mill-konkupixxenza karnali, tifga fil-“qalb” il-leħen l-iktar profond tal-kuxjenza, is-sens ta’ responsabiltà quddiem Alla; u appuntu dan huwa mqiegħed b’mod partikolari bħala xhieda fit-test bibbliku li għadna kemm ikkwotajna. Jippersisti, mill-banda l-oħra, il-pudur estern rispett għall-irġiel – jew pjuttost jibqà sembjanza ta’ modestja – li timmanifesta ruħha bħala biżà mill-konsegwenzi iktar milli tal-ħażen fih innifsu. Waqt li tifga l-leħen tal-kuxjenza, il-passjoni ġgib magħha nkwetudni tal-ġisem u tas-sensi: din hija l-inkwetudni tar-“raġel estern”. Meta r-raġel intern waqà fis-silenzju, il-passjoni, wara li tkun kisbet, biex ngħidu hekk, il-libertà ta’ azzjoni, timmanifesta ruħha bħala tendenza insistenti għas-sodisfazzjon tas-sensi u tal-ġisem.

Tali sodisfazzjon, skont il-kriterju tar-raġel iddominat mill-passjoni, għandu jitfi n-nar; imma, għall-kuntrarju, huwa ma jilħaqx l-għejjun tal-paċi esterna u jillimita li jmiss il-livell l-iktar estern tal-individwu uman. U hawn l-awtur bibbliku ġustament  josserva li r-raġel li, ir-rieda ta’ liema hija mpenjata biex tissodisfa s-sensi, ma jsibx kwiet lanqas ma jerġà jsib lilu nnifsu, imma, għall-kuntrarju, “jikkonsma ruħu”. Il-passjoni timmira għas-sodisfazzjon; għalhekk toffuska l-attività riflessiva u ttellef l-attenzjoni għal-leħen tal-kuxjenza; hekk, mingħajr ma jkun hemm fiha ebda prinċipju ta’ qerda, hija “tirrovina ruħha”. Id-dinamiżmu tal-użu, li għandu tendenza li jinħela, huwa għaliha naturali. Huwa minnu li, fejn il-passjoni tidħol fit-totalità tal-enerġiji tal-ispirtu l-iktar profondi, hija tistà ssir ukoll qawwa krejatriċi; f’tali każ, però, trid tgħaddi minn trasformazzjoni radikali. Hekk, minflok, tifga l-qawwiet l-iktar profondi tal-qalb u tal-kuxjenza (kif iseħħ fir-rakkont tas-Siracide) (Sir 23,17-22), “tikkonsma ruħha” u, b’mod indirett, fiha jikkonsma ruħu r-raġel li jkun priża tagħha.

3. Meta Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jitkellem dwar ir-raġel li “jixtieq”, li “jħares bix-xewqa”,  wieħed jistà jasal li jimmaġina li għandu quddiem għajnejh ukoll ix-xbihat magħrufa għas-semmiegħa tiegħu permezz tat-tradizzjoni “sapjenzjali”. Madankollu, kontemporanjament, jirreferixxi għal kull raġel li, a bażi tal-esperjenza interna  propja, jagħraf xi jrid jgħid b’“jixtieq”, “iħares bix-xewqa”.  L-Imgħallem ma janaliżżax tali esperjenza lanqas ma jiddeskriviha, bħal ma kien għamel, ngħidu aħna s- Siracide (Sir 23,17-22); huwa donnu jippresupponi, ikolli ngħid, għarfien biżżejjed ta’ dak il-fatt intern, lejn liema jerġà jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa, preżenti u potenzjali. Huwa possibbli li xiħadd minnhom ma kienx jaf dwar x’ried jgħid? Jekk tassew ma kien jaf xejn, il-kontenut ta’ kliem Kristu ma kienx jirrigwardah, lanqas kull analiżi jew deskrizzjoni ma kienet tkun biżżejjed biex tispjegahulu. Jekk għall-kuntrarju jaf – infatti f’tali każ dan kien xjenza għal kollox interna, intrinsika għall-qalb u għall-kuxjenza – se jifhem minnufih meta l-imsemmi kliem kien se jirreferi għalih.

4. Kristu, mela, la jiddeskrivi lanqas janaliżża dak li jikkostitwixxi l-esperjenza tax-“xewqa”, l-esperjenza tal-konkupixxenza tal-ġisem. Għandu saħansitra l-impressjoni li Hu ma jippenetrax din l-esperjenza fil-wisgħa tad-dinamiżmu ntern tagħha, bħal ma jiġri, per eżempju, fit-test ikkwotat tas-Siracide, imma pjuttost jieqaf fuq l-għatba tiegħu, Ix-“xewqa” għadha ma ttrasformatx ruħha f’azzjoni esterna, għadha ma saritx l-“att tal-Gisem”; u s;issa l-att intern tal-qalb: jesprimi ruħu fil-ħarsa, fil-mod tal-“ħars lejn il-mara”. Bdanakollu, diġa jagħti x’jifhem, jiżvela il-kontenut tiegħu u l-kwalitajiet essenzjali tiegħu.

Jinħtieġ li issa nagħmlu tali analiżi.. Il-ħars jesprimi dak li hemm fil-qalb. Il-ħars jesprimi, ikolli ngħid, ir-raġel kollu kemm hu. Jekk b’mod ġenerali wieħed iqis li r-raġel “jaġixxi b’mod konformi għal dak li huwa” (operari sequitur esse), Kristu f’dan il-każ irid jesponi li r-raġel “iħares” b’mod konformi lejn dak li hu: intueri sequitur esse. F’ċertu sens, ir-raġel permezz tal-ħarsa jirrivela ruħu minn barra u għall-oħrajn: jirrivela fuq kollox dak li jinterpreta minn “ġewwa” (2). 

5. Kristu, mela, jgħallem biex nikkunsidraw il-ħarsa kważi bħal għatba tal-verità nterna. Diġa fil-ħarsa, “fil-mod li bih tħares”, huwa possibli tagħraf għal kollox x’inhi l-konkupixxenza. Nippruvaw nispjegawha. “Tixtieq”, “thares biex tixtieq” tindika esperjenza tal-valur tal-ġisem, li fiha is-sinifikat sponsali tiegħu jispiċċa li jkun tali minħabba l-mottiv tal-konkupixxenza. Jintemm, ukoll, is-sinifikat prokrejattiv, li dwaru tkellimna fil-konsiderazzjonijiet preċedenti tagħna, liema – meta jirrigwardaw l-unjoni konjugali tar-raġel u tal-mara – huwa radikat fis-sinifikat sponsali tal-ġisem u kważi organikament joħroġ. Hekk, ir-raġel, “waqt li jixtieq”, “waqt li jħares biex jixtieq”  (Mt 5,27-28), jisperimenta b’mod iktar jew imqas espliċitu  id-distakk minn dak is-sinifikat tal-ġisem, li (kif diġa osservajna fir-riflessjonijiet tagħna) jinsab fil-bażi tal-għaqda tal-persuni: kemm barra miż-żwieġ, kemm – b’mod partikulari – meta r-raġel u l-mara huma msejħin biex jibnu l-unjoni “fil-ġisem” (kif ixandar “il-vanġelu tal-bidu” fit-test klassiku ta’ Ġenesi 2,24). L-esperjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem hija suġġetta b’mod partikulari għas-sejħa sagramentali, imma mhix limitata għaliha. Tali sinifikat jikkwalifika l-libertà tar-rigal, li – kif se naraw b’iktar preċiżjoni fl-analiżi ulterjuri – tistà tirrejalizza ruħha mhux biss fiż-żwieġ, imma wkoll b’mod differenti.

Kristu jgħid: “Kull min iħares lejn il-mara biex jixtieqha (jiġifieri min iħares b’konkupixxenza) diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu” (“diġa rrendiha adultera f’qalbu”) (Mt 5,28). Ma jridx forsi b’dan jgħid li propju l-konkupixxenza – bħall-adulterju – hija distakk intern mis-sinifikat sponsali tal-ġisem? Ma jridx forsi jibgħat lura lis-semmiegħa tiegħu għall-esperjenzi interni tagħhom ta’ tali distakk? Mhuwiex forsi minħabba f’hekk li jiddefenih “adulterju magħmul fil-qalb”?

Miġjub għall_malti minn Emmanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: