Lura għall-quddies! U b’daqshekk?


Nhar is-Sibt u nhar il-Ħadd 13 u 14 ta’ Ġunju 2020 se jerġa’ jibda’ jiġi iċċelebrat il-quddies mill-ġdid fil-Knejjes tagħna b’xi restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19. Din l-aħbar ferrħet lil ħafna. U bir-raġun! Il-poplu Nisrani kif tridu jgħix, jitmantna u jitqawwa jekk mhux bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù? Għalhekk, biex dan il-messaġġ żgur jasal ċar u tond għand kulħadd intgħażlu dawn id-dati meta nkunu, bħala Knisja, qed niċċelebraw is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Biss il-mistoqsija tqum spontanja: l-Ewkaristija hi biss marbuta mal-kult ewkaristiku u daqshekk? Fl-ittra pastorali tiegħu li ġġib id-data tas-6 ta’ Mejju 2020 u li għandha bħala titlu: Il-Pastorali wara l-Pandemija, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mons. Mario Grech, jgħid hekk: “Għadna ma ntbaħniex li l-fidi tagħna ma tidentifikax ruħha mal-kult; hemm waqtiet fejn in-Nisrani jista’ jgħaddi mingħajr il-kult mingħajr ma jkun ixellef il-fedeltà tiegħu bħala dixxiplu ta’ Ġesù. Inħoss li għandi nagħmel din l-osservazzjoni għaliex il-pastorali tagħna hija pastorali madwar il-kult, speċifikament mal-kult tal-Ewkaristija.”

Din l-osservazzjoni tabilħaqq nteressanti! Fil-fatt, Mons. Grech baqa’ jħambaq fuq l-istess punt fl-ittra pastorali tiegħu meta qal: “Mingħajr ma ninstema’ li rrid nirrelattivizza l-Ewkaristija u s-sagramenti l-oħra, huwa fatt li attitudni ta’ din ix-xorta fina s-saċerdoti u fil-lajċi tikxef li aħna għadna Knisja ‘klerikalizzata’ fejn l-azzjoni pastorali essenzjalment għadha f’idejn il-presbiteru. Kollox huwa ċċentrat fuq il-kult. Biżżejjed ngħidu li f’dan iż-żmien tal-pandemija fqajna l-midja soċjali bil-quddies. Il-kreattività pastorali tal-kotra rrisolviet ruħha fil-quddies. Aħna aktar attenti li jkollna l-libertà tal-kult milli l-libertà fil-kult”.

L-aħħar frażi, “il-libertà fil-kult,” fakkrittni f’pass fl-ittri ta’ San Pawl fejn l-Appostlu jiktbilhom hekk: Nitlobkom, l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett (Rum 12:1-2). L-istedina tal-Kelma ta’ Alla hi ċarissma: l-Ewkaristija, li tibda’ miċ-ċelebrazzjoni u mill-qima tar-rejaltà tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid, u li hija s-sagrament tas-sagramenti u l-għajn u l-quċċata tal-ħajja kollha Nisranija, għandha testendi ruħha lil hinn mis-santwarju! Mill-Knisja tal-ġebel! Ma ninsewx x’jgħidilna San Pietru: Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pt 2:4-5).

L-Ewkaristija vera għandha twassalna biex niltaqgħu mal-foqra li, kif ifisser tajjeb Mons. Grech, “huma teoloġikament il-wiċċ ta’ Kristu”. Ir-rabta bejn dak Ġesù li jagħtina Ġismu u Demmu biex niekluh u nixorbuh fil-quddiesa u dak Ġesù li fil-fqar jitlobna nagħtuh x’jiekol u x’jixrob, fis-sens wiesa’ tal-kelma. It-talba ta’ dan Ġesù m’għandha qatt tiġi mwarrba. Għalhekk, issa, li, bil-grazzja tal-Mulej, u bil-mod il-mod qed nerġgħu lura għan-normalità, tajjeb li dan il-kliem inżommuh quddiem għajnejna.

Wara kollox bl-opri tal-ħniena irridu nersqu lejH! Dawk l-opri tal-Ħniena li fihom jfakkarna Papa Franġisku u jfissirhomlna tant tajjeb u b’mod sempliċi fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, Misericordiae Vultus, meta jħeġġiġna: “Niskopru mill-ġdid l-opri tal-ħniena korporali: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, illibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill-mejtin. U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali: nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin” (no.15).

Dawn l-opri tal-ħniena, li jolqtu kemm lill-ġisem u kif ukoll lir-ruħ, dejjem nistgħu nwettquhom. Nistgħux niċċelebraw il-quddiesa jew le! Għax, din l-imħabba vera, l-ebda restrizzjoni ma tista’ tiġi qatt applikata fuqha! Għax liema restrizzjoni tista’ imqar, għal waqt wieħed biss, ixxellef il-qawwa tal-imħabba li tingħata għall-marid, għall-batut, għall-fqir u għal min hu mwarrab?

Issa li ħa mmorru għall-quddies u niċċelebrawh għall-poplu mill-ġdid tajjeb li nżommu dan kollu ċar u tond quddiem wiċċna. Jekk ma rridux li nibqgħu nkarkru fl-iżball li, kif kien jgħid it-teologu Pavel Nikolavic Evdokimov: “Ħafna drabi aħna nafu fejn tinsab il-Knisja, imma ma nafux fejn il-Knisja għadha mhix preżenti”. U biex dan l-iżball ma nibqgħux naqgħu fih ħa niftakru f’dan: Fejn hemm in-nies hemm il-Knisja! Għax fejn hemm in-nies hemm Kristu! Għax Kristu f’kull persuna jinsab! Hemm qiegħed! Fihom! U qed jistenniena biex nibnuh, insaħħuħ u nvarawh biex hu wkoll isir dixxiplu. Id-dixxiplu ta’ Dak li int u jien se nibdew niċċelebrawH u nirċevuH mill-ġdid fl-Ewkaristija kuljum! Fil-Knejjes tagħna!

Patri Mario Attard OFM Cap