Illum il-Knisja tfakkar lil San Kamillu De Lellis

Fl-14 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Kamillu De Lellis, Saċerdot li għex bejn is-snin 1550 sa 1614.

San Kamillu twieled f’Bocchianco, l-Italja, fl-1550. Tilef ’l ommu meta kellu tlettax-il sena. Kiber bi spirtu avventuruż u ta’ sbatax-il sena ħalla d-dar u daħal suldat biex jiġġieled mal-Venezjani kontra t-Torok, iżda minħabba ferita li kellu f’siequ ħalla l-armata u daħal l-isptar ta’ San Ġakbu, f’Ruma.

Meta ħareġ mill-isptar raġa’ daħal suldat fl-armata ta’ Venezja u mar jiġġieled kontra t-Torok. Meta ġie lura mill-ġlied, ħalla l-armata u tilef kull ma kellu fil-logħob. Biex ma jaqax jittallab daħal jaħdem mal-Kapuċċini ta’ Manfredonja fl-1574.

Wara xi ftit xhur ġie impressjonat minn parir li tah il-Gwardjan tal-patrijiet, u beda jibdel ħajtu.

Fl-1575 huwa talab u ġie aċċettat bħala ajk, u hekk ħa l-libsa ta’ Kapuċċin. Iżda billi l-ferita f’riġlu baqgħet tinkwetah,, iddeċieda li jerġa’ jmur l-isptar ta’ San Ġakbu. Hawn sab il-vokazzjoni tiegħu li jdur bil-morda. Bid-dedikazzjoni u bl-abbiltà tiegħu fix-xogħol, rebaħ l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, u wasal biex ġie maħtur Direttur tal-isptar.

Bil-ħsieb li jipprovdi nies li jkunu kkwalifikati biex iduru bil-morda, huwa ġabar nies miegħu li kienu lesti li jiddedikaw ruħhom għal dan ix-xogħol. Sadanittant bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu San Filippu Neri, huwa sar saċerdot, fl-1584, meta kellu 34 sena.

Fl-istess sena waqqaf is-Soċjetà tal-Qaddejja tal-Morda. Fl-1607 huwa rriżenja minn Superjur tal-Ordni minħabba saħħtu. Miet f’Ruma fl-14 ta’ Lulju, 1614 fil-għomor ta’ 64 sena. Sa l-aħħar baqa’ jdur bil-morda minkejja l-ferita li kellu. Ġie kkanonizzat fl-1746; il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-infermieri.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply