Illum il-Knisja tfakkar lil Il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu

Print Friendly, PDF & Email

Fis-16 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu.

Il-Profeta Elija tela’ fuq l-għolja tal-Karmelu, il-Palestina, biex jitlob għax-xita għax l-art kienet niexfa qoxqox. F’daqqa waħda ra sħaba żgħira tielgħa mill-baħar. Wara, is-sema nkesa bis-sħab, u niżlet xita qawwija. (1 Slaten 18)

Fit-tnax-il seklu, Eremiti nsara marru jgħixu ħajja ta’ talb u ġabra fuq din l-għolja.

Huma xebbhu dik is-sħaba żgħira li kien ra Elija mal-Madonna, Omm Alla, li ġabet il-ħajja vera fid-dinja li kienet mejta. Bdew jonoraw lill-Madonna b’titlu ġdid, il-Madonna tal-għolja tal-Karmelu, u waqqfu Ordni ddedikat prinċipalment għal ħajja kontemplattiva taħt il-patroċinju tal-Madonna. Illum insibuh bl-isem tal-Ordni tal-Karmelitani.

F’dan l-istess jum niċċelebraw il-festa tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmelu. Hemm tradizzjoni li tgħid li fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock li kien is-sitt superjur Ġenerali tal-Karmelitani, f’Cambridge, l-Ingilterra, u wrietu l-labtu, u wegħdet grazzji speċjali għal kull min jilbsu.

Il-Papa Benedittu XIII fis-sena 1726, estenda l-festa tal-Madonna tal-Karmelu fis-16 ta’ Lulju, mal-Knisja kollha.

Aktar dettalji
L-għolja msejħa ‘Karmel’ li bil-Lhudi tfisser ‘ġnien’ hi miżgħuda bis-siġar u kienet post favorit fejn fis-seklu 9 Q.K. kien jirtira l-profeta San Elija għall-kwiet biex jgħix f’ħajja ta’ talb u penitenza. Il-muntanja tal-Karmelu kienet ix-xena tar-rebħa tal-Profeta Elija fuq il-qassisin pagani ta’ Baal.

L-ewwel Karmelitani kienu eremiti li marru jgħixu fuq din l-istess muntanja. L-ewwel superjur tagħhom kien San Bertoldu li miet fl-1195. Għat-talba ta’ San Brokardu, li laħaq flok San Bertoldu, San Albert minn Verċelli, patrijarka latin ta’ Ġerusalemm, tahom ir-Regola. Daħlu mbagħad fl-Ewropa, fejn ġew approvati bħala ordni mendikanti mill-Papa Innoċenż IV fl-1247. Meta l-kruċjati ġew megħluba f’Ġerusalemm, ħafna mill-eremiti emigraw lejn l-Ewropa u ġew organizzati mill-ġdid fuq il-linja tal-patrijiet mendikanti. Imma l-ordni sab ħafna diffikultajiet u oppożizzjoni.

Skont it-tradizzjoni Karmelitana, kien propju waqt dan iż-żmien ta’ tiġrib, li l-Verġni mbierka dehret lis-superjur ġenerali San Xmun Stock, fis-16 ta’ Lulju 1251, u tagħtu l-labtu tal-ordni bħala sinjal tal-protezzjoni tagħha u bħala sinjal speċjali tal-imħabba tagħha lejn l-ordni. Il-Karmelitani xerrdu din id-devozzjoni fis-sekli ta’ wara speċjalment billi żdiedu magħhom nies lajċi permezz tal-labtu kannella u li l-insara jilbsu b’devozzjoni lejn il-Madonna biex tħarishom fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem, u fl-istess ħin ifisser sinjal tal-konsagrazzjoni tagħhom lil Marija.

Din il-festa ġiet imdaħħla fil-Kalendarju Universali mill-Papa Dumnikan Benedittu XIII fl-1726. Tfakkarna li l-veri devoti ta’ Marija, li mhux biss jilbsu l-labtu Mqaddes tal-Karmnu, imma wkoll jgħixu kif trid Marija, ma jistgħux jintilfu. Il-Madonna tal-Karmnu hija wkoll protettriċi speċjali tal-erwieħ tal-purgatorju. Barra minn hekk, fl-1914, ġiet magħżula patruna tal-Bolivja, u fl-1923, Patruna taċ-Ċili. Ċentru importanti ta’ din id-devozzjoni huwa l-kunvent u l-Knisja ta’ Aylesford, fid-djoċesi ta’ Southward l-Ingilterra, mhux bogħod minn Londra, tal-Patrijiet Karmelitani.

Fuq il-muntanja tal-Karmelu, il-Karmelitani bnew knisja b’qima lil Marija, li hija santwarju l-iktar għażiż u devot. Tinsab illum għand il-Karmelitani Skalzi, u kienu l-patrijiet maltin li kellhom sehem mill-ikbar fir-restawr tagħha. Difatti l-pittura kollha hi xogħol Fra Luigi Poggi, Karmelitan Skalz malti li miet fl-1952.

Diversi parroċċi u knejjes f’Malta huma ddedikati lill-Madonna taħt it-titlu tal-Karmnu, fosthom is-santwarju għażiż tal-belt fejn tiġi ċċelebrata l-festa tagħha b’solennità kbira u li għaliha jattendu ħafna nies mid-diversi bliet u rħula ta’ Malta u Ghawdex. Bħal-lum taħbat it-tmintax u l-aħħar dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes, li seħħet fis-16 ta’ Lulju, 1858.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: