Illum il-Knisja tfakkar lil San Pambo

Print Friendly, PDF & Email

Fit-18 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Pambo, Abbati li miet għall-ħabta tas-sena 393.

Qaddis ieħor li jfakkar il-Martiroloġju Ruman illum hu San Pambo, abbati tad-deżert ta’ Nitrija, fl-Eġittu. Hu wieħed mill-aktar magħrufa fost l-irħieb tad-deżert.

Hu kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, u kien magħruf l-aktar għas-silenzju tiegħu u għall-pariri siewja li kien jagħti u li ħafna minnhom baqgħu magħrufa fost l-għerf li ħareġ mill-patrijiet tad-deżert, fosthom il-preferita tiegħu: “Oqgħod attent li ma toffendi qatt lill-proxxmu tiegħek.

L-istorja tiegħu saret eżempju klassiku għall-vers li nsibu fl-ittra ta’ San Ġakbu: “Min ma jiżbaljax bil-kelma, dan hu bniedem perfett” (Ġakbu 3:2).

Sokrate, fil-ktieb tiegħu l-Istorja tal-Knisja jirrakkonta kif Pambo, billi kien ta’ bla skola, darba mar għand raħeb ieħor biex jgħallmu salm. Intagħżel is-salm 39. Meta Pambo sema’ l-ewwel vers tiegħu: “Jiena għidt: jiena nħares triqti biex ma nidnibx b’ ilsieni,” Pambo telaq bla ma stenna li jisma’ xi biċċa oħra, billi ħaseb li dak kien ikun biżżejjed għalih kieku kellu jipprattikah bil-verità. Xi sitt xhur wara, is-surmast tiegħu mar sabu u ċanfru kif hu ma reġax mar biex jitgħallem xi biċċa oħra mis-salm, iżda Pambo qallu li kien għadu jitħabat biex jipprattika sew fuq dak l-ewwel vers.

Ħafna żmien wara, meta kien mistoqsi kif kien sejjer fuq il-proġett tiegħu, wieġeb: “Ikolli ngħid li għadni bilkemm irnexxieli nasal fejn nixtieq matul dawn id-dsatax-il sena.”

Ħafna kienu jmorru għandu għall-pariri spiritwali, fosthom jissemmew Santa Melanja u l-famuż San Atanasju isqof.

San Pambo miet fis-sena ċ.393, fil-preżenza ta’ Santa Melanja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply