Illum il-Knisja tfakkar lil San Gejtanu

Fis-7 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Gejtanu, Saċerdot li għex bejn is-snin 1480 sa 1547.

San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Università ta’ Padova.

Irritorna Vicenza u sar Senatur. Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib. Fl-1506, mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516.

Fl-1518, mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru tal-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda inkurabbli.

Fl-1520, mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523, telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini.” Carafa kien irriżenja minn Isqof biex seta’ jingħaqad ma’ Gejtanu.

Huma kienu jirrifjutaw benefiċċji u bla ma jittallbu, kienu jiddependu fuq id-donazzjonijiet volontarji li l-providenza t’Alla kienet tibgħat. Il-motto fuq l-arma tagħhom kien: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” Fost il-prattiċi piji li tradizzjonalment ġew imxerrda mill-Kjeriċi Regolari nsibu l-“att erojku” li bih wieħed iċedi mhux biss il-valur satisfatorju tal-opri tajba li jwettaq f’ħajtu iżda wkoll is-suffraġji, favur l-erwieħ tal-Purgatorju.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543, kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis,” il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X. Gejtanu kien wieħed mir-riformaturi kbar kattoliċi u ħafna mir-riformi li wettaq il-Konċilju ta’ Trentu kienu antiċipati minn San Gejtanu u mqegħdin fil-prattika minnu ħafna qabel ma tlaqqa’ l-konċilju.

Waħda miż-żewġ parroċċi tal-Ħamrun hija ddedikata lill-“Qaddis tal-Providenza,” San Gejtanu Thiene.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply