36. Marija fit-twelid ta’ Ġesù


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  20/11/1996.

1. Fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù l-evanġelista Luqa jagħtina diversi dati li jgħinuna biex nifhmu aħjar is-sinifikat tal-ġrajja.

Ifakkar, b’mod speċjali, iċ-ċensiment ordnat minn Ċesare Awgustu, li jobbliga lil Ġużeppi, «mid-dar tal-familja ta’ David», u lil Marija l-għarusa tiegħu biex imorru «fil-belt ta’ David jisimha Betlem» (Lq 2,4).

Waqt li jinfurmana dwar iċ-ċirkustanzi li fihom jitwettqu l-vjaġġ u l-ħlas, l-evanġelista jippreżentana b’sitwazzjoni ta’ diffikultà u ta’ faqar, li  tħalli jidhru diversi karatteristiċi fundamentali tas-saltna messjanika: saltna bla unuri u poteri terreni, li tappartjeni lil Dak li f’ħajtu pubblika, jgħid dwaru nnifsu: «Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu» (Lq 9,58).

2. Ir-rakkont ta’ Luqa jippreżenta diversi  annotazzjonijiet, li jidhru mhux tant rilevanti, bil-ħsieb li jistimola fil-qarrej fehim aħjar tal-misteru tat-Twelid u tas-sentiment ta’ Dik li tiġġenera l-Iben ta’ Alla.

Id-deskrizzjoni tal-ġrajja tat-twelid, irrakkuntata f’forma sempliċi, tippreżenta lil Marija parteċipi b’mod intens f’dak li jseħħ fiha: «Tat għad-dawl lil binha primoġenitu, kebbitu fil-ħrieqi u medditu f’maxtura…» (Lq 2,7). L-azzjoni tal-Verġni hija r-riżultat tad-disponibiltà sħiħa tagħha biex tikkopera fil-pjan ta’ Alla, diġa murija fl-Annunzjazzjoni bil-kliem tagħha «isir minni dak kollu li inti għidt» (Lq 1,38).

Marija tgħix l-esperjenza tal-ħlas f’kondizzjoni ta’ faqar estrem: linqas tistà tagħti lill-Iben ta’ Alla dak li mdorrija joffru l-ommijiet lil wild ġdid; imma, għall-kuntrarju, trid tmiddu  «ġo maxtura», benniena ivvintata dak il-ħin li tikkuntrasta mad-dinjità tal-«Iben tal-Iktar Għoli».

3. Il-Vanġelu jinnota li «ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda» (Lq 2,7). Din hija stqarrija li, waqt li tfakkar it-test tal-prologu ta’ Ġwanni: «U niesu ma laqgħuhx» (Ġw 1,11), kważi tħabbar bil-quddiem it-tiċħid numeruż li Ġesù jġarrab tul ħajtu fid-dinja.

L-espressjoni «għalihom» tgħaqqad f’tali rifjut l-Iben u l-Omm u turi kif Marija hija diġa assoċjata fid-destin ta’ tbatija tal-Iben u magħmula parteċipi fil-missjoni feddejja tiegħu.

Sfidat minn «niesu», Ġesù huwa milqugħ mir-rgħajja, nies goffi u ta’ fama ħażina, imma magħżula minn Alla biex ikunu l-ewwel destinatarji tal-aħbar it-tajba tat-twelid tal-Feddej.

Il-messaġġ, li l-anġlu jindirizzalhom, huwa stedina biex jifirħu: «Inħabbrilkom aħbar ta’ ferħ kbir, li tkun għall-poplu kollu» (Lq 2,10), segwita minn talba biex jegħlbu kull biżà: «La tibżgħux». 

Infatti, bħal ma għal Marija fil-waqt tal-Annnzjazzjoni, hekk ukoll għalihom l-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù tirrapreżenta is-sinjal kbir tat-tjubija divina lejn il-bnedmin. Fil-Feddej divin, ikkontemplat fil-faqar tal-grotta ta’ Betlem, wieħed  jistà jintebaħ bi stedina ħalli jersaq b’fiduċja lejn Dak li huwa t-tama tal-umanità.

Il-kantiku tal-anġli: «Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li Huwa jħobb», li jistà jkun ukoll tradott bi «l-bnedmin tat-tjieba» (Lq 2,14), jirrivela lir-rgħajja dak li Marija kienet esprimiet fil-Magnificat tagħha: it-twelid ta’ Ġesù huwa s-sinjal tal-imħabba ħanina ta’ Alla, li turi ruħha b’mod speċjali lejn l-umli u l-foqra.

4. Għall-istedina tal-anġlu r-rgħajja jwieġbu b’entużjażmu u ħeffa: «Inmorru sa Betlem, naraw din il-ġrajja li l-Mulej għarrafna biha» (Lq 2,15).

It-tiftix tagħhom ma rriżultax bla frott: «Sabu lil Marija u lil Ġużeppi u t-tarbija» (Lq 2,16). Kellhom, kif ifakkarna il-Konċilju, «l-Omm ta’ Alla wriet ferħana… lill-Iben tagħha primoġenitu».1 Din hija l-ġrajja determinanti għal ħajjithom.

Ix-xewqa spontanja tar-rgħajja li jirreferu «dak li dwar it-tarbija kien ingħad lilhom» (Lq 2,17), wara l-esperjenza meraviljuża tal-laqgħa mal-Omm u mal-Iben tissuġġerixxi lill-evanġelizzaturi taż-żminijiet kollha l-importanza u, ferm iktar, il-bżonn ta’ rapport spiritwali profond  ma’ Marija, sabiex nagħrfu aħjar lil Ġesù u nsiru ħabbara ferrieħa tal-Vanġelu tiegħu tas-salvazzjoni.

Quddiem dawn il-ġrajjiet straordinarji, Luqa jgħidilna li Marija «kienet iżżomm il-ħwejjeġ kollha waqt li timmeditahom f’qalbha» (Lq 2,19). Waqt li r-rgħajja jgħaddu mill-biżà għall-ammirazzjoni u t-tifħir, il-Verġni, grazzi ghall-fidi tagħha, iżżomm ħajja t-tifkira tal-ġrajjiet rigward l-Iben u tapprofondihom bil-metodu tal-konfront fil-qalb tagħha, jew aħjar fin-nukleju l-iktar intimu tal-persuna tagħha. B’dan il-mod Hija tissuġġerixxi lil omm oħra, il-Knisja, biex  tiffavorixxi d-don u l-impenn tal-kontemplazzjoni u tar-riflessjoni tejoloġika, biex tkun tistà tilqà il-misteru tal-fidwa, tifhmu maġġorment u tħabbru b’ impetu rinnovat lill-bnedmin ta’ kull żmien.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 57.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.