54. L-Assunzjoni ta’ Marija, verità tal-fidi

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  02/07/1997.

1. Fuq  l-istess linja tal-Bolla Munificentissimus Deus, tal-predeċessur venerabbli tiegħi Piju XII, il-Konċilju Vatikan II jiddikjara li l-Immakulata Verġni, «mitmum il-kors ta’ ħajjitha terrena, kienet imtellgħa fil-glorja ċelesti bir-ruħ u l-ġisem».1

Is-Santi Padri konċiljari riedu jtennu li Marija, b’differenza mill-insara l-oħra li jmutu fil-grazzja ta’ Alla, kienet imtellgħa fil-glorja tal-ġenna bil-ġisem tagħha wkoll. Dan kien twemmin millenarju espress ukoll fi tradizzjoni ikonografika twila, li tirrapreżenta lil Marija waqt li  «tidħol» b’ġisimha fis-sema.

Id-domma tal-Assunzjoni tiddikjara li l-ġisem ta’ Marija kien igglorifikat wara l-mewt. Infatti, waqt li għall-bnedmin l-oħra l-qawmien mill-imwiet tal-iġsma se jseħħ fi tmiem id-dinja, għal Marija il-glorifikazzjoni ta’ ġisimha ġie antiċipat bi privileġġ singolari.

2. Fl-ewwel ta’ Novembru 1950, fid-definizzjoni tad-domma tal-Assunzjoni, Piju XII, Evita li juża t-terminu «qawmien mill-imwiet» u li jieħu pożizzjoni fir-rigward tal-mertu tal-kustjoni tal-mewt tal-Verġni bħala verità tal-fidi. Il- Bolla Munificentissimus Deus tillimita ruħha għad-dikjarazzjoni tal-elevazzjoni tal-ġisem ta’ Marija fil-glorja ċelesti, billi tiddikjara tali verità «domma rivelatha b’mod divin». 

Kif ma ninnutawx hawn li l-Assunzjoni tal-Verġni tagħmel parti minn dejjem tal-fidi tal-poplu nisrani li, waqt li jiddikjara d-dħul ta’ Marija fil-glorja ċelesti, fehem li jipproklama l-glorifikazzjoni ta’ ġisimha?

L-ewwel ħjiel tal-fidi fl-Assunzjoni tal-Verġni, huwa preżenti fir-rakonti apokrafi, intitolati «Transitus Mariae», li n-nukleju oriġinali tagħhom imur lura għat-II-III seklu. Dawn huma rappreżentazzjonijiet popolari u  kultant  romantiċizzati, li però f’dan il-każ  jinkorporaw intuwizzjoni ta’ fidi tal-poplu ta’ Alla.

Wara, din baqgħet kull ma jmur tiżviluppa riflessjoni twila rigward ix-xorti ta’ Marija fid-dinja l-oħra. Dan, ftit ftit, mexxa lil dawk li jemmnu bil-fidi fl-elevazzjoni glorjuża ta’ Omm Ġesù, bir-ruħ u l-ġisem, u għall-istituzzjoni fil-Lvant tal-festi liturġiċi tad-Dormizzjoni u l-Assunzjoni ta’ Marija.

Il-fidi fid-destin glorjuż tar-ruħ u tal-ġisem ta’ Omm il-Mulej, wara mewtha, mil-Lvant infirxet fil-Punent b’ħeffa kbira u, mis-seklu XIV, iġġeneralizzat ruħha. Fis-seklu tagħna, lejlet id-definizzjoni tad-domma, din tikkostitwixxi verità kważi aċċettatha u pprofessatha b’mod universali mill-komunità nisranija f’kull rokna tad-dinja.

3. Kien għalhekk li f’Mejju tal-1946 bl-Enċiklika Deiparae Virginis Mariae Piju XII ippromwova konsultazzjoni wiesgħa, billi kkonsulta l-isqfijiet u, permezz tagħhom, il-kleru u l-poplu ta’ Alla, fuq il-possibiltà u l-opportunità li jiddefenixxi l-assunzjoni korporja ta’ Marija bħala domma tal-fidi.  Il-konferma kienet pożittiva b’mod wiesà: sitt tweġibiet biss minn 1181 wrew xi riserva dwar il-karattru rivelat ta’ tali verità.

Waqt li tikkwota dan id-dettal, il-Bolla Munificentissimus Deus tiddikjara: «Il- kunsens universali tal-Maġisteru ordinarju tal-Knisja jipprovdi argument sikur u solidu biex jipprova li l-assunzjoni korporja tal-Beata Verġni Marija fis-sema… huwa verità rivelatha minn Alla, u allura għandha tkun emmnuta fermament u fedelment minn ulied il-Knisja kollha».2

Id-definizzjoni tad-domma, fuq il-pass tal-fidi universali tal-poplu ta’ Alla, teskludi b’mod definittiv kull dubju u teħtieġ l-adeżjoni espressa tal-insara kollha.

Wara li tenfasizza l-fidi attwali tal-Knisja fl-Assunzjoni, il-Bolla  tfakkar il-bażi skritturistika ta’ tali verità.

It-Testment il-Ġdid, minkejja li ma jiddikjarax b’mod espliċitu l-Assunzjoni ta’ Marija, joffrilna is-sies għaliex jenfasizza sewwa l-unjoni perfetta tal-Verġni Mqaddsa mad-destin ta’ Ġesù. Din l-unjoni li turi ruħha sa mill-konċepiment tal-għaġeb tal-Feddej, fis-sehem tal-Omm fil-Missjoni tal-Iben u, speċjalment, fl-assoċjazzjoni fis-sagrifiċċju feddej, ma jistax ma jesiġix kontinwazzjoni wara l-mewt. Magħquda b’mod perfett mal-ħajja u mal-opra feddejja ta’ Ġesù, Marija taqsam miegħu d-destin ċelesti fir-ruħ u fil-ġisem.

4.Il-Bolla kkwotata Munificentissimus Deus, waqt li tagħmel referenza għas-sehem tal-mara tal-Protovanġelu fit-taqbida kontra s-serp u waqt li tagħraf f’Marija l-Eva l-ġdida, tippreżenta l-Assunzjoni bħala konsegwenza tal-għaqda ta’ Marija fl-opra feddejja ta’ Kristu. Tiddikjara minħabba f’hekk: «Konsegwentement bħal ma l-qawmien glorjuż mill-imwiet ta’ Kristu kien parti essenzjali u trofew aħħari ta’ din ir-rebħa, hekk kien hemm bżonn li t-taqbida mwettqa mill-Verġni Mqaddsa, magħquda ma’ Binha, tintemm bil-glorifikazzjoni ta’ ġisimha verġinali…».3

L-Assunzjoni hija għalhekk il-punt tal-wasla tat-taqbida li impenjat l-imħabba ġeneruża ta’ Marija fil-fidwa tal-umanità u hija frott tas-sehem tagħha uniku għar-rebħa tas-Salib.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 59.
2 Pio XII, Bolla Munificentissimus Deus: AAS 42 (1950), 757. 
3 Pio XII, Bolla Munificentissimus Deus: AAS 42 (1950), 768.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 1-3.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading