55. L-Assunzjoni ta’ Marija fit-tradizzjoni tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  09/07/1997.

1. It-tradizzjoni permanenti u korali tal-Knisja tixhed kif l-Assunzjoni ta’ Marija tidħol fil-pjan divin u hija radikatha fis-sehem singolari ta’ Marija fil-missjoni tal-Iben. Diġa fl-ewwel millenju l-awturi sagri jesprimu ruħhom f’dan is-sens.

Xhidiet, fil-fatt iddraftjati dan l-aħħar, jinsabu f’San Ambroġ, San Epifanju, Timotju ta’ Ġerusalem. San Ġerman ta’ Kostantinopli († 733) jppoġġi fuq fomm Ġesù, li lest biex iwassal lil Ommu fis-sema, dan il-kliem: «Hemm bżonn li fejn inkun jien, int ukoll tkun, omm inseparabbli minn Ibnek…».1

L-istess tradizzjoni ekkleżjali, barra minn hekk, tara fil-maternità divina ir-raġuni fondamentali tal-Assunzjoni.

Ta’ tali konvinzjoni nsibu ħjiel interessanti fir-rakkont apokrifu tal-V seklu, attribwit lil Pseudo-Melitone. L-awtur jimmaġina lil Kristu jinterroga lil Pietru u lill-Appostli dwar ix-xorti meritatha minn Marija u mingħandhom jikseb din it-tweġiba: «Mulej, għażilt din il-qaddejja tiegħek sabiex issir għalik residenza immakulata…

Deher mela ġust għalina qaddejja tiegħek li, bħal ma wara li rbaħt il-mewt, int issaltan fil-glorja, int tqajjem mill-imwiet il-ġisem ta’ ommok u teħodha miegħek, ferħana, fis-sema».2 Wieħed mela jistà jiddikjara għalhekk li l-maternità divina, li rrendiet il-ġisem ta’ Marija r-residenza immakulata tal-Mulej,  isejjes għaliha d-destin glorjuż.

2. San Ġerman isostni f’test għani bil-poeżija li l-imħabba ta’ Ġesù għal Ommu tesiġi l-għaqda mill-ġdid ta’ Marija fis-sema ma’ Binha divin: «Bħal ma tfajjel ifittex u jixtieq il-preżenza ta’ ommu, u bħal ma omm tieħu gost tgħix fil-kumpanija ta’ binha, ukoll għalik, li l-imħabba materna għal Ibnek u Alla ma tħalli ebda dubju, kien konvenjenti li inti tergà lura lejh. U ma kienx konvenjenti li, jkun xi jkun, dan l-Alla li kellu għalik imħabba tassew filjali, jieħdok fil-kumpanija tiegħu?».3 F’test ieħor l-awtur venerabbli jgħaqqad l-aspett privat tar-rapport bejn Kristu u Marija, mad-dimensjoni feddejja tal-maternità, billi jsostni li: «Kien hemm bżonn li l-omm tal-Ħajja taqsam l-abitazzjoni tal-Ħajja».4

3. Skont diversi Santi Padri tal-Knisja argument ieħor li jsejjes il-privileġġ tal-Assunzjoni huwa  ddeterminat mis-sehem ta’ Marija fl-opra tal-fidwa.

San Ġwann Damaxxenu jenfasizza r-rapport bejn is-sehem fil-Passjoni u x-xorti glorjuża: «Kien meħtieġ li dik li kienet rat lil Binha fuq is-salib u rċeviet dritt f’qalbha x-xabla tad-dulur… tikkontempla lil dan l-Iben bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier».5 Fid-dawl tal-Misteru paskwali, tidher ċara b’mod partikolari l-opportunità li, flimkien mal-Iben, ukoll l-Omm tkun igglorifikata wara l-mewt.

Il-Konċilju Vatikan II, waqt li jfakkar fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja il-misteru tal-Assunzjoni, jiġbed l-attenzjoni dwar il-privileġġ tal-Immakulata Konċezzjoni: propju għaliex «ippreservata immuni minn kull tebgħa ta’ ħtija oriġinali»,6 Marija ma setgħetx tibqà bħall-bnedmin l-oħra kollha fl-istat tal-mewt sal-aħħar tad-dinja.

L-assenza tad-dnub oriġinali u l-qdusija perfetta sa minn l-ewwel waqt tal-eżistenza, kienu jesiġu għal Omm Alla l-glorifikazzjoni sħiħa ta’ ruħha u ta’ ġisimha.

4. Meta nħarsu lejn il-misteru tal-Assunzjoni tal-Verġni ikun possibbli nifhmu l-pjan rispettiv tal-Providenza divina għall-umanità: Wara Kristu, Verb inkarnat, Marija hija l-krejatura umana li  tikseb bħala l-ewwel waħda l-idejal eskatoloġiku, waqt li tantiċipa l-milja tal-feliċità, mwegħda lill-magħżulin permezz tal-qawmien mill-imwiet tal-iġsma.

Fl-Assunzjoni tal-Verġni, nistgħu naraw ukoll ir-rieda divina tal-promozzjoni tal-mara.

F’analoġija ma dak li kien seħħ fl-oriġni tal-ġeneru uman u tal-istorja tal-fidwa, fil-proġett ta’ Alla l-idejal eskatoloġiku kellu jirrivela ruħu mhux f’individwu, imma f’koppja. Għalhekk fil-glorja ċelesti, maġemb Kristu rxoxt, hemm mara rxuxtatha, Marija: l-Adam il-ġdid u l-Eva l-ġdida, frott bikri tal-qawmien mill-imwiet ġenerali tal-iġsma tal-umanità kollha kemm hi.

Il-kondizzjoni eskatoloġika ta’ Kristu u dik ta’ Marija bla dubju ma jiġux imqiegħda fuq l-istess pjan. Marija, Eva l-ġdida, irċeviet mingħand Kristu, Adam il-ġdid, il-milja tal-grazzja u tal-glorja ċelesti, billi kienet irxuxtatha permezz tal-Ispirtu Santu mill-poter Sovran tal-Iben.

5. Għalkemm konċiżi, dawn in-noti jippermettulna li nqiegħdu fid-dawl li l-Assunzjoni ta’ Marija tirivela n-nobiltà u d-dinjità tal-ġisem uman.

Quddiem il-profanizzjonijiet u l-umiljazzjoni li għalihom is-soċjetà moderna tissottometti sikwit, b’mod partikolari, il-ġisem femminili, il-misteru tal-Assunzjoni jipproklama d-destin soprannaturali u d-dinjità ta’ kull ġisem uman, imsejjaħ mill-Mulej biex ikun strument ta’ qdusija u biex jieħu sehem fil-glorja tiegħu.

Marija daħlet fil-glorja għaliex laqgħet f’ġufha verġinali u f’qalbha l-Iben ta’ Alla. Waqt li jħares lejha, in-nisrani jitgħallem jiskopri l-valur tal-propju ġismu u biex jgħassu bħala tempju ta’ Alla, fl-istennija tal-qawmien mill-imwiet.

L-Assunzjoni, privileġġ mogħti lill-Omm ta’ Alla, jikkostitwixxi b’dan il-mod valur immens għall-ħajja u d-destin tal-umanità.

NOTI

1 San Germano di Costantinopoli, Homil. 3 in Dormitionem, PG 98,360.
2 Pseudo-Melitone, De transitu V.Mariae, 16, PG 5,1238.
3 San Germano di Costantinopoli, Hom. 1 in Dormitionem, PG 98,347.
4 Ibidem, PG 98,348.
5 San Giovanni Damasceno, Hom. 2, PG 96,741.
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 59.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 33-35.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.