Qari tal-Quddies ta’ San Filippu u San Ġakbu, Appostli


Stampa t-test tal-qari …

3 ta’ Mejju
San Filippu u San Ġakbu, Appostli
Festa

QARI I
1Kor 15:1-8

Qari Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li ħabbartilkom, li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvati, bil-kelma li jien ħabbartilkom, jekk qegħdin iżżommuha u jekk l-fidi tagħkom ma kinitx għalxejn. Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba fi dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh, u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, imbagħad lit-Tnax.

Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa dixxipli flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu.

Deher imbagħad lil Ġakbu, u wara lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll, wara kulħadd, qisni twelidt barra ż-żmien.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
18, 2-5

R/. Mal-art kollha jasal leħinhom!
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah!

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar.
Lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom,
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 14: 6b,9ċ

R/. Hallelujah
Il-Mulej jgħid: Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja;
Filippu, min ra lili ra lill-Missier ukoll.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġw 14: 6-14

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Tumas: “Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija. Kieku għaraftu lili, kontu tagħarfu wkoll ’il Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħarfuh u rajtuh.”

Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġbu: “Ili daqshekk magħkom, u int, Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif tasal int li tgħid. ‘Urini l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn rajja, iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed iwettaq l-għemil. Emmnuni! Jien fil-Missier u l-Missier fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnu minħabba fl-għemil stess. Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun imsebbaħ f’Ibnu. Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.