Illum il-Knisja tfakkar lil San Ponzjanu u San Ippolitu

Print Friendly, PDF & Email

Fit-13 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Ponzjanu (Papa) u San Ippolitu (Saċerdot), li t-tnejn ħadu l-martirju fis-sena 235.

San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading