Qari tal-Quddies tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. (S)


 Stampa t-test tal-qari …

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
Solennità

QARI I
Daret għalija qalbi.
Hos 11, 1.3-4.8ċ-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Hosegħa

Dan jgħid il-Mulej:
Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,
u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.
Kont jien li ’l Efrajm għallimtu jimxi,
irfajthom fuq dirgħajja,
iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhomż
Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,
b’rabtiet ta’ mħabba;
u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh,
u lejha mmil nitmagħha.
Daret għalija qalbi,
tqanqlet bil-bosta ħnienti.
Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;
le, ma nerġax inġib fix-xejn ’l Efrajm,
għax Alla jien, u mhux bniedem,
jien f’nofsok il-Qaddis;
jien ma niġix biex neqred.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Is 12, 2-3.4bċd. 5-6

R/. (3): Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

QARI II
Kunu afu li l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf.
Efes 3, 8-12.14-19

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ingħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju tal-għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu, u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla li ħalaq kollox. B’hekk l-għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi, ikun issa mgħarraf permezz tal-Knisja lill-Prinċpijiet u lis-Setgħat tas-sema, skont il-pjan li hu kien fassal sa minn dejjem fi Kristu Ġesù Sidna. Bih aħna għandna l-ħila nersqu permezz tal-fidi tagħna fih.

Għalhekk jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4, 10b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu
biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
R/. Hallelujah

Jew

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,
għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma.
Ġw 19, 31-37

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.

Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma qasmulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu