Fid-19 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Eudes, Saċerdot li għex bejn is-snin 1601 sa 1680.
San Ġwann twieled f’Ri, Normandija (Franza), fl-1601. Meta kellu 14-il sena, missieru daħħlu jistudja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ Caen.
Fl-1623, daħal fil-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta’ Franza. Ordna saċerdot fl-1625, u beda l-ħajja appostolika billi mar jaħdem man-nies li kienu mardu bil-pesta li kienet qed tagħmel straġi fin-Normandija.
Fl-1631, faqqgħet epidemija oħra, u Ġwanni reġa’ mar jgħin lill-vittmi. Biex ma jinfettax lil sħabu r-reliġjużi bil-marda, kien jgħix għalih waħdu f’daqxejn ta’ għarix f’nofs għalqa. Imbagħad għall-għaxar snin li ġew wara, intefa’ jiġri ma’ Franza kollha jippriedka l-missjonijiet fil-parroċċi.
Fl-1641, bil-għajnuna ta’ Madaleine Lamy, fetaħ dar għan-nisa u x-xebbiet li kienu jixtiequ jinqalgħu minn ħajja ħażina. Tliet snin wara fdaha f’idejn is-Sorijiet Visitaturi ta’ Caen.
Fl-1643 ħareġ mill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani biex iwaqqaf il-“Kongregazzjoni ta’ Ġesù u ta’ Marija”, magħrufa wkoll bħala “tal-Ewdisti”, għall-formazzjoni tal-kleru u għax-xogħol tal-Missjonijiet. Il-Qaddis fetaħ numru ta’ Seminarji.
Fl-1650, waqqaf “is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju” li l-għan prinċipali tagħhom kien li jaħdmu għan-nisa penitenti. Din il-kongregazzjoni baqgħet dejjem tikber, u fl-1835 ħarġet minnha l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur.
Waqqaf ukoll l-“Għaqda tal-Qalb tal-Omm l-aktar Ammirabbli”, li hi bħat-Terz Ordni ta’ San Franġisk.
San Ġwann kellu jħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni qawwija mill-Ġansenisti, u minn xi Oratorjani. Kien ġie kkalunjat speċjalment wara li waqqaf is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju. Għal xi żmien kien itteħidlu l-permess li jippriedka u jqarar. F’dak iż-żmien, intefa’ jikteb u jxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn il-Qalb ta’ Marija. Fost il-kitba spiritwali tiegħu nsibu “Id-devozzjoni lejn il-Qalb Adorabbli ta’ Ġesù” u “L-Ammirabbli Qalb tal-Wisq Imqaddsa Omm Alla”.
Miet f’Caen, fid-19 ta’ Awwissu 1680, meta kellu 79 sena, u ġie kkanonizzat mill-Papa Piju XI fl-1925.
San Ġwann Eudes hu magħruf bħala wieħed minn tal-ewwel nett u mill-aqwa li xerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Immakulata ta’ Marija.