Għalija l-arti tal-mużika hi mill-aqwa!


Dawn il-kelmiet ħarġu mill-qalb ta’ waħda mill-aktar kantanti tal-opra li influwenzaw l-erbat irjieħ tad-dinja tal-opra tas-seklu għoxin, Maria Callas! Il-ġenju tal-artist qiegħed filli jinbidel fl-arti li jwassal! Tant li l-kantant u l-kantanta jsiru l-istess kanzunetta li jlaħħmu ma’ qalbhom!

Minn meta l-Mulej Ġesù, permezz tas-superjuri Kapuċċini tiegħi, bagħttni naqdih fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, kelli l-grazzja li niltaqa’ ma’ kantanta mill-aqwa fil-qasam tal-mużika, il-mezzo sopran Marie Therese Vassallo. Lil Marie Therese kelli l-grazzja nsir nafha fi żmien diffiċli għal ħajjitha u għal maħbub żewġha Charles u l-familja tagħhom. Biss, anki jekk kienet qed tbati, Marie Therese xorta waħda baqgħet il-mara ta’ ġenju kbir li dejjem kienet! Għax l-artist veru, jgħaddi minn xiex jgħaddi, jibqa’ artist sal-aħħar.

Fil-qiegħ ta’ qalbi nibqa’ ngħożż il-mumenti sbieħ fejn kellna l-ħin nitħaddtu fuq bosta ħwejjeġ. Meta l-ħin tal-arloġġ donnu jieqaf mill-ewwel tinbet, tispunta u tikber il-grazzja li qalb tinfetaħ ma’ oħra. U hekk, għal dik il-qalb mtaqqla’, jidher għaliha l-orizzont tat-tama u tas-sliem. Minkejja d-dlam, l-għejja u l-qtiegħ il-qalb ta’ matul it-triq.

X’imħabba Marie Therese kellha għat-talb, l-aktar għall-Kurunella tal-Ħniena Divina! Imħabbitha għal din it-talba ressqet lil żewġha Charles u lili lejn sodditha, fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha, biex nitolbuha magħha. Fiha sabet sollief u sliem liema bħalu! F’din il-mużikalità ta’ spiritwalità Marie Therese baqgħet tfaħħar lill-Mulej bil-kant tagħha sal-aħħar! U, illum, bil-permess tagħha, nixtieq naqsam magħkom il-kliem ta’ innu li nissilli d-dmugħ. Kliemu hu ta’ Marie Therese Vassallo stess fuq mużika ta’ Frank Vassallo. It-titlu hu O Madonna Marija. Xi grazzja kelli meta hi, u l-maħbub żewġha Charles, kienu kantawhuli bħala dwett wara quddiesa li kienet saret fis-sala, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju 2020, fit-3.30 pm.

F’rokna ġewwa kamarti, Hemm xbieha tal-Madonna,/ Għandha f’dirgħajja rieqed lil Binha Ġesu. Jien, ta’ kull filgħaxija,/ Qabel nagħlaq għajnejja, Dawn il-kelmiet ngħidilha,/ x’ħin lejha ndur. Ritornell: O Madonna Marija, ridt lil Mejju l-isbaħ xahar,/ Biex il-ħolqien kollu jqimek, sal-larinġ joħroġ iż-żagħar. F’Mejju l- warda ‘l fuq tħares u lilek tqim,/Il-fjuri jimlew bil-fwieħa d-djar tal-bnedmin.

O Madonna Marija, il-ħolqien jitgħaxxaq bik,/Min jitlob xi grazzja kbira,/ qalbu żgur tittama fik. Dan li jien nitlob f’das-skiet,/ “Agħti l-paċi ‘l-artijiet,/ Biex minflok ċarċir ta’ dmija, jkollna ħbiberija w paċi mis-smewwiet”. Final. O Madonna Marija, O Madonna Marija!

Nissuġġerixxi li dan l-innu mill-isbaħ jiġi interpretat u mpoġġi fuq YOU TUBE b’tifkira ta’ din il-mara ġenjali li ħajjitha baqgħet mużika ta’ mħabba mill-aqwa sa tmiemha!

Patri Mario Attard OFM Cap