Diskors ta’ Ġwanni Pawlu II lill-Familji f’Manila


IV LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

DISKORS TA’ ĠWANNI PAWLU II

Manila, il-Filippini, 25 ta’ Jannar 2003

1. Jiena magħkom fil-ħsieb u fit-talb, għeżież familji tal-Filippini u minn ħafna nħawi tad-dinja, li nġbartu hawn f’Manila għar-raba’ Laqgħa Dinjija tagħkom: insellmilkom b’imħabba f’isem il-Mulej!

F’din l-okkażjoni, ninsab kuntent li nista’ nwassal ħsieb kordjali u ta’ ġid lill-familji kollha tad-dinja, rappreżentati minnkom hawnhekk: lilkom ilkoll “grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla Missierna u mingħand Sidna Ġesù Kristu.” (1 Tim 1: 2).

Nirringrazzja lill-Kardinal Alfonso López Trujillo, Legat tal-Papa, għall-kliem sabiħ li wassalli f’isimkom. Lilu u lill-kollaboraturi tiegħu fil-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, nixtieq nesprimi kemm jiena kuntent bl-impenn li kien hemm biex titħejja din il-laqgħa. Il-gratitudni tiegħi minn qalbi tmur ukoll għall-Kardinal Jaime Sin, Arċisqof ta’ Manila, li qed jilqgħakom bil-qalb f’dawn il-jiem.

2. Jiena naf li fis-sessjoni teoloġika-pastorali li għadha kif ġiet ċelebrata, intom approfondejtu t-tema: ” Il-familja Nisranija, aħbar tajba għat-tielet millennju “. Jien għażilt dawn il-kliem, fid-dawl ta’ din il-Laqgħa Dinjija, biex nenfasizza l-missjoni sublimi tal-familja li, meta taċċetta l-Evanġelju u tħalli lilha nnifisha tiddawwal bil-messaġġ tiegħu, tieħu l-impenn xieraq biex issir ix-xhieda tal-istess Evanġelju.

Għeżież familji Nsara: xandru bil-ferħ lid-dinja kollha t-teżor meraviljuż li intom iġġorru fikom, bħala knejjes tad-dar! Għeżież miżżewġin insara, fil-komunjoni li intom tgħixu ta’ ħajja u imħabba, fil-fatt li intom rigal għal xulxin, u meta intom tilqgħu lill-ulied b’ġenerożità, intom issiru fi Kristu dawl tad-dinja! Il-Mulej jitlobkom kuljum biex issiru bħal dik il-lampa li ma tibqax moħbija, imma li titqiegħed “fuq l-imnara u hekk iddawwal lil kulmin ikun fid-dar” ( Mt 5:15).

3. Kunu l-ewwelnett “aħbar tajba għat-tielet millenju” billi tgħixu l-vokazzjoni tagħkom b’impenn. Iż-żwieġ li ċċelebrajtu f’jum li hu xi ftit jew wisq ‘il bogħod, huwa l-mod speċifiku tagħkom biex tkunu dixxipli ta’ Ġesù, biex tgħinu fil-bini tas-Saltna ta’ Alla, biex timxu lejn il-qdusija li għaliha huwa msejjaħ kull Nisrani. Bħalma qal il-Konċilju Vatikan II,  il-miżżzewġin insara,  fit-twettiq tad-dmir tagħhom bħala miżżewġin u fil-familja, “għandhom iħabirku biex jiksbu dejjem aktar il-perfezzjoni tagħhom stess, u biex iqaddsu lil xulxin.” ( Gaudium et spes , 48).

Aċċettaw b’mod sħiħ, u bla riservi, l-imħabba li Alla jagħtikom fis-sagrament taż-żwieġ u li biha jagħmilkom kapaċi tħobbu (ara 1 Ġw 4,19). Ibqgħu dejjem ankrati ma’ din iċ-ċertezza, l-unika waħda li tista’ tagħti sens, qawwa u ferħ lil ħajjitkom:  l-imħabba ta’ Kristu qatt ma titbiegħed minnkom, qatt ma jiġi nieqes il-patt tiegħu ta’ sliem miegħek (ara Is 54,10)  Id-doni u s-sejħa ta’ Alla hu ma jreġġagħhomx lura (ara Rum 11:29). Huwa naqqax isimkom fuq il-pali ta’ jdejh (ara Is 49:16).

4. Il-grazzja li rċivejtu fiż-żwieġ u li tibqa’ maż-żmien, ġejja mill-qalb minfuda tas-Salvatur, li ssagrifika ruħu fuq l-artal tas-Salib għall-Knisja, l-għarusa tiegħu, u li mar jiltaqa’ mal-mewt għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Din il-grazzja, għalhekk, iġġorr magħha l-partikolarità tal-bidu tagħha stess: hija l-grazzja tal-imħabba li tingħata , tal-imħabba li tagħti lilha nnifisha u li taħfer; tal-imħabba altruwista, li tinsa l-uġigħ tagħha; tal-imħabba fidila sal-mewt; tal-imħabba li tagħti l-ħajja. Hija l-grazzja tal-imħabba li tagħmel u trid il-ġid, li temmen kollox, li tissaporti kollox, li tittama kollox, li tissaporti kollox, li ma tintemm qatt, u li mingħajrha ma hemm xejn. (ara 1 Kor 13 : 7-8).

Naturalment, dan mhux dejjem faċli, u fil-ħajja ta’ kuljum ma jonqsux id-diffikultajiet, tensjonijiet, tbatijiet u anke għejja. Imma fi triqtek m’intix waħdek . Ġesù huwa dejjem preżenti u jaħdem magħkom, bħalma kien f’Kana fil-Galilija, f’mument ta ’diffikultà għal dawk il-miżżewġin friski.  Fil-fatt, kif ifakkarna l-Konċilju, is-Salvatur jiġi jiltaqa’ mal-insara miżżewġin, u jibqa’ magħhom, kif hu stess ħabb lill-Knisja u ta ħajtu għaliha, hekk huma wkoll għandhom iħobbu lil xulxin fedelment għal dejjem billi jiddedikaw ruħhom għal xuxlin.  (cfr Gaudium et spes, 48).

5. Intom miżżewġin insara, ikunu “aħbar tajba għat-tielet millenju” billi tagħtu xhieda b’konvinzjoni u konsistenza għall-verità dwar il-familja.

Il-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ hija l-patrimonju tal-umanità, hija ta’ ġid kbir u ta’ min jgħożżha ħafna, hija meħtieġa għall-ħajja, għall-iżvilupp u għall-futur tal-popli. Skont il-pjan tal-ħolqien stabbilit mill-bidu (cf. Mt 19,4.8), il-familja hija l-ambjent li fih il-persuna umana, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26), titnissel, titwieled, tikber u tiżviluppa. Il-familja, li tifforma l-persuni  (ara Familiaris consortio , 19-27), hija indispensabbli għal “ekoloġija umana” vera ( Centesimus annus , 39).

Nirringrazzjakom tax- xhieda li ppreżentajtu llejla u li segwejt mill-qrib. Ifakkruni anke fl-esperjenza li jiena ħadt bħala saċerdot, Arċisqof ta’ Krakovja u tul dawn il-kważi 25 sena ta’ pontifikat: kif għidt drabi oħra, il-futur tal-umanità huwa permezz tal-familja. (cfr Familiaris consortio, 86)

Nirrikkmandalkom, għeżież familji, li fost tant diffikultajiet u tfixkil, tkomplu tagħtu xhieda bil-ħajja ta’ kuljum li huwa possibbli li tgħix bis-sħiħ iż-żwieġ bħala esperjenza mimlija tifsira u bħala “aħbar tajba” għall-irġiel u n-nisa ta’ żmienna. Kunu protagonisti fil-Knisja u fid-dinja : din hija ħtieġa li toħroġ miż-żwieġ innifsu li intom iċċelebrajtu, billi tkunu knisja tad-dar, toħroġ anke mill-missjoni tagħkom bħala miżżewġin – intom iċ-ċelloli oriġinali tas-soċjetà. (ara Apostolicam actuositatem , 11).

6. Fl-aħħarnett, biex tkunu “aħbar tajba għat-tielet millenju”, għeżież miżżewġin insara, tinsewx li t-talb fil-familja huwa garanzija ta’ għaqda fi stil ta’ ħajja marbuta mar-rieda ta ‘ Alla.

Meta dan l-aħħar ipproklamajt is-Sena tar-Rużarju, irrakkomandajt din id-devozzjoni marjana bħala talba tal-familja u għall-familja: meta nitolbu r-Rużarju, fil-fatt, “aħna nqiegħdu lil Ġesù iċ-ċentru, naqsmu miegħu l-ferħ u n-niket, npoġġu f’idejh il-bżonnijiet u l-proġetti tagħna, u minnu nieħdu t-tama u s-saħħa għall-vjaġġ tagħna.” ( Rosarium Virginis Mariæ , 41).

Filwaqt li nafdakom f’idejn Marija, ir-Reġina tal-familja, biex takkumpanjakom u tgħinkom fil-ħajja tagħkom, bi pjaċir inħabbar li l-Ħames Laqgħa Dinjija tal-Familji se ssir f’Valenzja , Spanja, fl-2006 .

Nagħti kulħadd il-Barka tiegħi, u nagħtikom dan il-mandat: bil-għajnuna t’Alla għamlu mill-Evanġelju ir-regola fundamentali tal-familja tagħkom, u jalla l-familja tagħkom tkun bħal paġna tal-Evanġelju miktuba għaż-żmien tal-lum!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes