Missjoni li naqduha bl-ispirtu ta’ Ġesù


L-Erbgħa, 2 ta’ Settembru 2020: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Quddiesa mas-Sorijiet tal-Karità, Balzan.

Missjoni li naqduha bl-ispirtu ta’ Ġesù

Dan l-Evanġelju li smajna jurina lil Ġesù fil-qadi tal-missjoni tiegħu: Ġesù li jfejjaq, kemm meta qed ifejjaq ġo familja fil-kwiet fejn ma jarawhx in-nies, kif ukoll meta jfejjaq tant nies li jġibulu; Ġesù li jgħin lill-bniedem jeħles mill-ispirtu ħżiena, mill-qawwa tal-ħażen; u Ġesù li jwassal il-kelma, li jippriedka minn post għal ieħor.

Jurina wkoll dan l-Evanġelju b’liema mod Ġesù kien jaqdi din il-missjoni tiegħu: b’ħafna mħabba u ġenerożità kbira, b’dedikazzjoni kbira u b’libertà kbira: il-libertà li turi li hu mhux marbut ma’ post imma jitlaq għal post ieħor, għax dik kienet il-missjoni tiegħu. Kien isib il-qawwa għal dan proprju fil-mumenti waħdu fis-skiet, kif smajna fl-Evanġelju. Nafu b’diversi mumenti fl-Evanġelju fejn għadda ħafna ħin waħdu ma’ Alla u hemm jirċievi l-qawwa biex jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu.

Għalhekk il-kelma ta’ Alla hi għalina llum ta’ inkoraġġiment, ta’ dawl, ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tagħna. Għalik Sr Maryanne, li qed ittemm il-missjoni f’din il-komunità u ftit ieħor tibda f’Għawdex, għalik Sr Gesuina li se tibda tieħu ħsieb din il-komunità bl-għajnuna ta’ Sr Lorenza, għall-komunità kollha, u għalina lkoll hawnhekk. Dak li tgħidilna l-kelma ta’ Alla hu ta’ għajnuna kbira għalina.

L-ewwelnett nitolbu lil Ġesù biex dejjem ifejjaqna minn dak li f’ħajjitna hu ta’ tfixkil, speċjalment ukoll jilliberana mill-ispirti ħżiena – bħal dak li semma San Pawl illum fl-Ewwel Ittra lill-Korintin meta kien qed ikellem lill-komunità Nisranija u jgħidilhom fuq il-ġlied, fuq l-għira u fuq id-diviżjoni. Hemm bżonn li nitolbuh kontinwament, aħna nies tal-Knisja, biex Alla jfejjaqna minn dan. Aħna nafu li anke l-istess ċelebrazzjonijiet tagħna ta’ festi reliġjużi kultant hemm bżonn jitfejqu – bħalma qal San Pawl, ikun hemm min hu ma’ Apollo u min hu ma’ Pawlu, aħna kultant għandna l-istess diviżjonijiet. Għandna bżonn kontinwament li l-Mulej ifejjaqna minn dawn l-ispirti ħżiena li jidħlu wkoll fl-affarijiet tajbin. Nitolbuh ukoll jgħinna nirċievu l-kelma li tant hi importanti għal ħajjitna.

Imbagħad ukoll li jgħinna fil-qadi tal-ministeru tagħna biex nagħmluh bl-istess spirtu tiegħu. Nitolbu lil Alla, fejn isejħilna – nistgħu nkunu hawn, jew f’komunità gdida, kulfejn inkunu – biex naqdu l-missjoni b’ħafna mħabba u ġenerożità, b’ħafna dedikazzjoni, b’ħafna libertà li tgħinna ma nintrabtux lanqas ma’ dak li hu tajjeb imma li qalbna timtela b’Alla u ma tiqafx fis-sabiħ li jagħtina Alla u fl-affarijiet tajbin li nistgħu nagħmlu. U li fis-skiet miegħu nsibu dik il-qawwa biex nistgħu naqdu l-missjoni tagħna.

Dan hu li nitolbu fil-quddiesa llum, u speċjalment għalikom li qed tibdew missjoni ġdida, u għalina lkoll biex il-missjoni tagħna naqduha tassew b’dan l-ispirtu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.