Fil-15 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri.
Il-Knisja tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena: nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru. L-ewwel waħda nbdiet f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija tal-ereżija ta’ Ġovanni Hus. Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet Serviti meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’ Settembru. Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 irritorna mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala tifkira ta’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn Napuljun.
Imbagħad, il-Papa San Piju X, meta għamel ir-riforma tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa fil-15 ta’ Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.
Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub. It-tnissil tagħha kien immakulat. Il-ħajja tagħha kienet bla l-iċken dnub.
Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:
- Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.
- Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometru, bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.
- It-telfa ta’ Ġesù.
- Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Kalvarju.
- Il-kruċifissjoni.
- Ġesù mejjet fi ħdanha.
- Id-difna ta’ Ġesù.